Il-laqgħa tal-MED 9 li qed issir illum fil-Belt u fl-Imdina qed issir f’kuntest ta’ sfidi internazzjonali bla preċedent.
Dan hekk kif għaddejja l-Gwerra fl-Ukrajna, li bdiet fi Frar tas-sena l-oħra u wasslet għal kriżi fis-settur tal-enerġija u l-inflazzjoni.
Fis-settur tal-enerġija, fil-maġġoranza tal-pajjiżi Ewropej, il-prezzijiet splodew għall-familji u n-negozji. Dan filwaqt li l-Gvern Malti, bl-oppost, issussidja l-prezzijiet u żamm il-kontijiet tad-dawl stabbli.
Minbarra hekk, il-kontinent Ewropew, speċjalment ir-reġjun tal-Mediterran iffaċċja sfidi li għandhom x’jaqsmu mal-fenomenu tat-tibdil fil-klima.
Dan hekk kif matul is-sajf li għadda, pajjiżi bħall-Greċja, il-Portugall u Spanja, intlaqtu min-nirien qawwija. Dan filwaqt li fis-sajf li għadda, pajjiżna flimkien mar-reġjun tal-Mediterran intlaqat minn sħana estrema. Bix-xahar ta’ Lulju li għadda kien meqjus mix-xjenzati bħala l-aktar xahar sħun li qatt ġie rreġistrat madwar id-dinja.
Waqt li fl-aħħar ġimgħat, is-Slovenja, il-Greċja, il-Bulgarija, it-Turkija u l-Libja sofrew il-konsegwenzi ta’ għargħar kbar, fejn eluf ta’ persuni wkoll tilfu ħajjithom.
Bi tħejjija għal-laqgħa tal-mexxejja tal-MED 9 tal-lum, f’dawn l-aħħar xhur, pajjiżna ospita numru ta’ laqgħat Ministerjali. F’Malta saru laqgħat dwar is-setturi tal-enerġija, tal-affarijiet barranin u anke dwar l-iżvilupp tal-intelligenza artifiċjali.
Fit-tmintax ta’ Mejju li għadda, il-Ministri tal-Enerġija tad-disa’ pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Unjoni Ewropea ltaqgħu f’pajjiżna biex jiddiskutu t-triq ’il quddiem f’dan il-qasam kruċjali, minħabba l-kriżi li għaddejja bil-Gwerra fl-Ukrajna.
Hawnhekk il-Ministri mill-pajjiżi tal-MED 9 ġew milqugħa mill-Ministru tal-Enerġija Maltija, Miriam Dalli, u preżenti għal-laqgħa kien hawn ukoll il-Kummissarju Ewropew tal-Enerġija, Kadri Simson. Hawnhekk id-disa’ pajjiżi ffirmaw dikjarazzjoni konġunta bħala sinjal ta’ impenn għall-Mediterran bħala ċentru ta’ enerġija nadifa.
Fi tmiem din il-laqgħa, li saret f’Dar il-Mediterran, il-Ministru Dalli sostniet li hu ta’ sodisfazzjon li l-pajjiżi kollha jaqblu li l-Mediterran ikun protagonist għal enerġija aktar nadifa.
Fit-tlettax ta’ Settembru li għadda, rappreżentanti mill-Ministeri għall-Affarijiet Barranin mill-pajjiżi tal-MED 9 iltaqgħu f’Palazzo de Piro fl-Imdina, fejn ġew diskussi temi komuni għar-reġjun Mediterranju.
Fi tmiem din il-laqgħa għolja, waqt konferenza tal-aħbarijiet barra s-swar tal-Imdina, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti, Ian Borg, sostna li hu biss Mediterran stabbli u wieħed fil-paċi li jista’ jwassal biex ikollna l-Ewropa stabbli.
F’kumment ma’ ONE News, wara din il-laqgħa, il-Ministru Borg tenna li l-pajjiżi tal-MED 9 huma vuċi waħda. Sostna li dan jawgura tajjeb għal deċiżjonijiet li jkollhom l-effett fuq il-ħajja tan-nies, kemm Maltin u anke Ewropej.
Fl-20 ta’ Settembru li għadda, saret it-tielet u l-aħħar laqgħa Ministerjali tal-MED 9 f’pajjiżna qabel illum. Din kienet dwar l-intelligenza artifiċjali.
Hawnhekk il-Ministri u r-rappreżentanti tal-pajjiżi tal-MED 9 ġew milqugħin mill-Ministru Malti għall-Ekonomija, Silvio Schembri, waqt li preżenti kien hawn ukoll id-Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Komunikazzjoni, Kontenut u Teknoloġija, Roberto Viola.
Matul il-laqgħa għolja f’Malta, ir-rappreżentanti mid-disa’ pajjiżi tal-MED 9 iffirmaw stqarrija konġunta li permezz tagħha se jikkoperaw aktar fis-settur tal-intelliġenza artifiċjali.
F’konferenza tal-aħbarijiet fi tmiem din il-laqgħa, il-Ministru Malti tenna li l-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Unjoni Ewropea qablu li jsir investiment robust fl-infrastruttura tal-AI u biex jinħolqu ċentri madwar ir-reġjun għar-riċerka u l-innovazzjoni, biex ikun hemm start-ups u intrapriżi ġodda, f’settur li kull ma jmur qiegħed dejjem jevolvi.
Din l-aħħar laqgħa Ministerjali tal-MED 9, saret fl-MFCC f’Ta’ Qali, waqt li kienet għaddejja l-ewwel expo dwar dan is-settur, bl-isem ta’ TECHXPO.
Dawn il-laqgħat kienu ta’ pedament għal-laqgħa tal-mexxejja ta’ dawn id-disa’ pajjiżi tal-MED 9, li qed jiltaqgħu llum f’pajjiżna