Illejla, fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela kellu laqgħa bilaterali mal-Prim Ministru Kroat Andrej Plenkovic.
Din il-laqgħa bilaterali qed issir hekk kif il-Prim Ministru Kroat jinsab f’pajjiżna għas-Summit tal-MED 9, li se jsir għada.
Hawnhekk ġie diskuss il-potenzjal biex iż-żewġ pajjiżi jsaħħu l-kummerċ.
Iż-żewġ mexxejja rrimarkaw dwar ir-relazzjonijiet b’saħħithom bejn iż-żewġ pajjiżi u għandhom għanijiet komuni favur aktar koperazzjoni.
Iż-żewġ naħat iddiskutew temi oħrajn, li jinsabu fuq l-aġenda Ewropea, fosthom l-ekonomija, l-enerġija, it-tibdil fil-klima u l-Gwerra fl-Ukrajna. Fuq din l-aħħar tema, iż-żewġ Mexxejja komplew jikkundannaw l-invażjoni mill-qawwiet Russi fl-Ukrajna. Il-Prim Ministru Malti tenna l-appell favur djalogu u taħditiet ta’ paċi.
Preżenti mal-Prim Ministru kien hemm il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg, il-Ministru għall-Politika Soċjali Michael Falzon u l-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici.
Il-Prim Ministru Kroat intlaqa’ fl-Ajruport mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti Ian Borg, hekk kif illejla wkoll waslu f’pajjiżna l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u l-Prim Ministru tas-Slovenja Robert Golob, li lkoll se jkunu parteċipi fil-MED 9 t’għada.