“Urejna li aħna lesti u miftuħin sabiex nitkellmu ma’ kulħadd u ma’ kull nazzjon għall-paċi dinjija”.
Kliem il-Ministru Ian Borg f’intervista mat-Times Of Malta.
Huwa qal li l-aħħar ġranet kienu impenjattivi ferm għal Malta fil-fora Internazzjonali b’diversi laqgħat fosthom mal-Ministri tal-Intern tal-Iran, tal-Iżrael, tal-Arabja Sawdija u tal-Emirati Għarab Magħquda.
Fl-aħħar ġranet, diplomatiċi għolja minn dawk li huma meqjusa bħala l-akbar żewġ nazzjonijiet fix-xena ĠeoPolitika, iċ-Ċina u l-Istati Uniti, ukoll għażlu lil Malta bħala l-post fejn jibdew diskussjonijiet u jinsew id-differenzi tal-passat. Huwa ddeskriva din il-laqgħa bħala turija ta’rispett u fiduċja f’pajjiżna. Dawn il-laqgħat ser iservu wkoll bħala pass ieħor fir-relazzjonijiet ta’ pajjiżna ma’ dawn iż-żewġ pajjiżi ġganti.
Fakkar ukoll fiż-żewġ diskorsi tal-Prim Ministru Robert Abela, kemm quddiem l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda kif ukoll il-Kunsill tas-Sigurtà tal-ĠM.
Il-Prim Ministru tenna l-pożizzjoni ċara li Malta, minkejja n-newtralità tagħha, ser tibqa’ tissielet għall-paċi u qatt ma tista’ taqbel mal-ksur tal-liġijiet.
Matul din il-ġimgħa pajjiżna ser ikun qed jospita wkoll numru ta’ mexxejja li ġejjin minn pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea, li jinsabu fil-periferija tal-Meditterran.
Dr Borg qal li jittama li dawn il-laqgħat iservu sabiex flimkien ipoġġu wressjoni fuq l-Unjoni Ewropea biex taġixxi dwar it-temi l-aktar kruċjali għar-reġjun tal-Meditterran fost oħrajn, inkluż dawk tal-imigrazzjoni.