Fix-xahar ta’ Settembru, pajjiżna kellu l-aqwa livell ta’ fiduċja ekonomika minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Dan ħareġ minn stħarriġ li jsir ta’ kull xahar mill-Kummissjoni Ewropea fost in-negozji u l-konsumaturi mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Fil-fatt l-indiċi ta’ sentiment ekonomiku f’pajjiżna kien stmat li jilħaq il-valur ta’ 120, jew 20% aqwa mill-medja storika tas-sentiment osservat.
Dan fl-istess ħin li, madwar l-Ewropa, il-fiduċja hi 7% inqas mill-medja storika, li jfisser li, waqt li f’pajjiżna n-negozji u l-familji jħossuhom aktar fiduċjużi, f’pajjiżi oħrajn qed jirrenja l-pessimiżmu.
Jirriżulta li s-sentiment ekonomiku f’pajjiżna kien l-aqwa li qatt ġie osservat mindu l-Kummissjoni Ewropea bdiet tagħmel dan l-istħarriġ f’pajjiżna.
Qabel ir-riżultat qawwi miksub dan ix-xahar, is-sentiment ekonomiku kien inħass l-aħjar f’Diċembru tal-2017, imma dakinhar kien 2% inqas mir-rekord preżenti.
Dan hekk kif l-għafsa tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija u l-fuel qed ixekklu l-prospetti ekonomiċi ta’ diversi kumpaniji u jżommu l-familji milli jkollhom riżorsi biex jonfqu flushom fejn iridu.
Maġġoranza ta’ kważi nofs il-familji intervistati madwar l-Unjoni Ewropea sostnew li l-qagħda ekonomika marret għall-agħar fl-aħħar sena u maġġoranza ta’ kważi terz xorta jemmnu li, matul is-sena d-dieħla, l-ekonomija ta’ pajjiżhom se tmur anke agħar.
Il-familji Ewropej qed jistennew li l-qgħad ikompli jerfa’ rasu, filwaqt li l-prezzijiet ikomplu jitilgħu.
Minkejja li maġġoranza ta’ aktar minn 40% tal-familji diġà kellhom inaqqsu l-konsum tagħhom fl-aħħar xhur, xorta hemm stennija li fix-xhur li ġejjin din l-għafsa tkompli tirranka.
Bil-maqlub, f’Malta s-sentiment fost il-familji hu aħjar mill-medja storika. L-istħarriġ tal-Kummissjoni jindika li ma tantx hawn biża’ fuq l-istat tal-impjiegi, mentri l-konsumaturi qed ibassru li fix-xhur li ġejjin se jkunu f’qagħda li jonfqu aktar milli qed jonfqu bħalissa.
Dan hu rifless fis-sentiment fost il-ħwienet f’pajjiżna.
Dan hu wkoll ferm aħjar mill-medja storika u jikkontrasta bil-kbir mal-pessimiżmu fost il-ħwienet madwar l-Ewropa. Maġġoranza tal-ħwienet Maltin irrapportaw li żiedu l-bejgħ fl-aħħar tliet xhur u jistennew li se jiġri l-istess fix-xhur li ġejjin.
L-operaturi fis-settur tal-bini wkoll kellhom sentiment aħjar minn dik ta’ xhur preċedenti. Dan anke fid-dawl li rrapportaw li għandhom ordnijiet li biex jiggarantixxu aktar minn erba’ xhur sħaħ ta’ produzzjoni.
Dwar dan, irreaġixxa anke l-Prim Ministru Robert Abela fuq il-midja soċjali fejn tenna li, dan ix-xahar, pajjiżna rreġistra l-aqwa sentiment ekonomiku mill-konsumaturi u n-negozji.
Dr Abela sostna li l-għażla progressiva tal-Gvern li jgħin lill-familji u n-negozji mill-isfidi qed twassal għal dawn ir-riżultati.