Fil-jum tal-Ġimgħa, pajjiżna se jospita l-laqgħa għolja bejn id-disa’ mexxejja tal-istati fl-Unjoni Ewropea fir-reġjun tal-Mediterran, imsejħa MED 9. Preżenti għal dan is-summit se jkun hawn preżenti wkoll il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, u l-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel.
Il-mexxejja barranin se jkunu milqugħin mill-Prim Ministru Malti fl-ewwel summit internazzjonali tiegħu li se jkun qed jospita kemm ilu fil-kariga. Se jkun għall-ħabta ta’ nofsinhar neqsin kwart ta’ filgħodu, meta dawn il-mexxejja jintlaqgħu fi Pjazza Kastilja.
Il-laqgħat bis-sehem tal-mexxejja kollha se jsiru fis-Sala tal-Ambaxxaturi fil-Berġa ta’ Kastilja.
Fl-ewwel laqgħa, il-mexxejja tal-pajjiżi, flimkien maż-żewġ mexxejja tal-istituzzjonijiet Ewropej, se jiddiskutu l-isfida tal-migrazzjoni, fost oħrajn.
Bejn l-ewwel u t-tieni laqgħa se jittieħed ritratt bejn il-mexxejja kollha, magħruf bħala l-‘family photo’.
Imbagħad fit-tieni parti tad-diskussjonijiet se jkomplu l-laqgħat bejn id-disa’ mexxejja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea tar-reġjun tal-Mediterran.
L-attenzjoni, imbagħad, iddur fuq l-Imdina, hekk kif il-mexxejja se jindirizzaw lill-midja mill-Pjazza tal-Katidral.
Għal dan is-summit mistenni jkun hawn madwar mitt ġurnalist barrani, inkluż minn stazzjonijiet u kmamar tal-aħbarijiet rinomati, biex jirrapportaw dak li se jkun qed iseħħ f’pajjiżna.
Sadanittant, il-Ġimgħa filgħodu, il-Prim Ministru Robert Abela u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen se jżuru x-xogħlijiet li qed isiru fl-Iskola Primarja tan-Nadur. Din l-iskola qed tiġi rranġata permezz tal-fondi Ewropej, li ġejjin mill-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza.
Din se tkun l-ewwel żjara tal-President tal-Kummissjoni Ewropea fil-gżira Għawdxija.
Fil-marġini ta’ dan is-summit, il-Prim Ministru Malti se jkollu laqgħa bilaterali mal-President tal-Kummissjoni von der Leyen, il-Ġimgħa filgħodu.
Dan filwaqt li, il-Ġimgħa waranofsinhar, anke kif irrapportat fil-midja internazzjonali, se ssir laqgħa bilaterali bejn il-President Franċiż Emmanuel Macron u l-Prim Ministru Taljan Giorgia Meloni. Għal din il-laqgħa se jkunu preżenti wkoll il-Prim Ministru Malti Robert Abela u l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen.
Fil-jum tal-Ġimgħa, l-istazzjon ONE se jkun qed ixandar programm speċjali, bi produzzjoni tal-kamra tal-aħbarijiet ta’ ONE. Il-programm f’xandira diretta se jinkludi filmati diretti, servizzi u intervisti interessanti dwar is-summit Ewropew, qed isir it-tieni darba f’Malta.