Il-kumpanija ġganteska Ċiniża BYD, li hi meqjusa pijuniera fil-manifattura ta’ vetturi li jaħdmu bl-aktar mod sostenibbli, waslet ukoll f’pajjiżna wara sbuħija mal-kumpanija lokali GasanZammit Motors Ltd.
BYD, li topera ’l fuq minn 30 park industrijali madwar id-dinja kollha, nediet ukoll l-ewwel mudell li se jkun għall-bejgħ fostna ta’ karozza full electric – l-ATTO 3. Il-karozza tgawdi minn ħames stilel għas-sigurtà li toffri.
F’serata tal-okkażjoni nhar it-Tlieta fil-pjazza tal-Quad Central, fl-Imrieħel, fejn tħabbret l-introduzzjoni tal-kumpanija BYD f’pajjiżna, ġew esposti tliet mudelli mill-isbaħ ilkoll full electric u attrezzati bl-aħħar teknoloġija u attrezzaturi tal-ogħla livell, inkluż l-ATTO 3, li hi mudell pijunier fl-effiċjenza u s-sigurtà.
Il-Ministri għall-Ambjent u l-Enerġija, Miriam Dalli, u l-Ministru għat-Trasport, Aaron Farrugia, kienu wkoll preżenti fl-Imrieħel fejn laqgħu l-introduzzjoni tal-kumpanija u l-importanza li vetturi ta’ dan it-tip se jservu għal pajjiżna.
GasanZammit Motors Ltd ħabbret li l-ATTO 3 se jkun aċċessibbli mix-showroom tagħha fl-Imrieħel mill-1 ta’ Ottubru li ġej, għalkemm il-mudell diġà jinsab għad-dispożizzjoni, flimkien ma’ oħrajn, li se jkunu qed jiġu introdotti f’pajjiżna.
Il-BYD ATTO 3, li hi tal-għamla SUV, tiġi wkoll b’batterija li tkopri ’l fuq minn 260 mil u li kapaċi tiġi ċċarġjata f’29 minuta biss. Il-vettura, li se tkun qed tinbiegħ bil-prezz ta’ €37,990 għall-verżjoni comfort u €39,990 għall-verżjoni design, toffri kemm features moderni fuq ġewwa u barra, inkluż l-effiċjenza u s-sigurtà fis-sewqan.
Il-BYD ATTO 3 għandha rating ta’ ħames stilel fil-Euro NCAP Safety Tests u kisbet rating ta’ 91% fejn tidħol sigurtà tal-adulti fil-vettura kif ukoll 89% fis-sigurtà għall-minorenni.