Fl-aħħar tliet snin, l-Awtorità tad-Djar irriġenerat 270 blokka u madwar 2,000 appartament ta’ akkomodazzjoni soċjali madwar Malta. Dan il-programm ta’ riġenerazzjoni sar b’investiment bla preċedent ta’ aktar minn €10 miljun u li jfisser li eluf ta’ familji qegħdin jgħixu f’ambjent ferm isbaħ u jgawdu minn kwalità ta’ ħajja aħjar.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, waqt żjara li għamel fiż-żona ta’ akkomodazzjoni soċjali magħrufa bħala ‘L-Ispika’ f’San Ġwann, fejn kienu preżenti s-Segretarju Permanenti, Emanuel Psaila, u s-Sindku tal-lokal, Trevor Fenech.
Fiż-żona bħalissa għaddejjin xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni fuq faċċati u bjut f’numru ta’ blokok.
Il-Ministru Galdes rrimarka kif din is-sena, l-Awtorità tad-Djar investiet madwar €3 miljun biex ikunu rriġenerati 74 blokka, li jammontaw għal madwar 480 residenza.
Qal “Ninsabu hawnhekk fil-lokalità ta’ San Ġwann. Hanwhekk qed inżuru wkoll ix-xogħlijiet li saru fuq tisbiħ u riġenerazzjoni wkoll tal-blokki tal-Housing Estate. Din is-sena biss erġajna investejna madwar €3 miljun f’xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni f’San Ġwann u fi rħula oħrajn ukoll fejn lestejna madwar 79 blokka. Li jfisser ukoll li madwar 500 familja, 500 appartament ġew rinnovati bl-għajnuna ta’ dan ix-xogħol li qed isir min-naħa tal-Awtorità tad-Djar.”