Il-MPE Alex Agius Saliba ġie maħtur bħala n-negozjatur ewlieni u r-rapporteur dwar ir-reviżjoni futura tad-Direttiva dwar il-Pakketti tal-Ivvjaġġar.
Il-Kummissjoni Ewropea bħalissa qed twettaq analiżi aktar profonda dwar jekk ir-regoli attwali tal-UE joffrux protezzjoni robusta u komprensiva lill-konsumatur. Ir-reviżjoni ta’ din id-Direttiva bdiet fil-bidu tas-sena l-oħra u l-Kummissjoni Ewropea mistennija tadotta proposta fl-aħħar ta’ din is-sena.
“Ir-regoli attwali jipprovdu protezzjoni importanti għall-vjaġġaturi u l-konsumaturi. Madankollu, wara l-falliment ta’ Thomas Cook u l-kriżijiet tal-COVID-19, deher ċar li d-Direttiva attwali ma tipprovdix protezzjoni komprensiva u hemm bżonn li jiġi rivedut il-mudell tan-negozju tas-settur tal-pakketti tal-ivvjaġġar,” qal il-MPE Agius Saliba.
Huwa spjega li l-protezzjoni tal-konsumaturi meta l-operaturi turistiċi jfallu hija element ewlieni tad-Direttiva. Madankollu, kien hemm problemi mifruxa fl-infurzar tar-regoli, li affettwaw b’mod negattiv lill-konsumaturi matul il-falliment ta’ Thomas Cook u wasslu għal inċertezzi legali matul il-pandemija. Ir-reviżjoni u l-kjarifika ta’ dawn ir-regoli se jkunu essenzjali għall-MPE Agius Saliba.
“Matul il-pandemija, eluf ta’ konsumaturi sofrew danni mill-prattiki tal-operaturi turistiċi. Ħafna kumpaniji pposponew ir-rimborż tan-nies għall-vaganzi u l-vjaġġi kkanċellati tagħhom jew imponew vawċers fuq il-konsumaturi, li ħafna minnhom għadhom qed jistennew ir-rimborż tagħhom fi flus kontanti.”
Agius Saliba spjega wkoll kif in-nies qed jużaw ukoll dejjem aktar intermedjarji tal-ibbukkjar onlajn għal biljetti awtonomi u pakketti tal-ivvjaġġar. Madankollu, huwa qal li r-regoli attwali ma jittrattawx l-intermedjarji u ma jistabbilixxux responsabbiltajiet ċari, u għaldaqstant, matul il-pandemija l-konsumaturi spiss kienu jispiċċaw maqbuda bejn partijiet differenti, u spiċċaw idumu xhur jistennew biex jiġu rimborżati.
“Qed nistenna bil-ħerqa l-proposta tal-Kummissjoni, peress li hemm ħtieġa ċara li jiġu limitati r-riskji għall-konsumaturi, li jiġu spjegati r-regoli tal-obbligazzjonijiet tal-partijiet differenti involuti, u li torħos il-protezzjoni mill-insolvenza għall-organizzaturi tal-ivvjaġġar,” qal il-MPE Agius Saliba.
Id-Direttiva dwar il-Pakketti tal-Ivvjaġġar hija parti ewlenija mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u għandha implikazzjonijiet profondi għall-industrija tat-turiżmu u tal-ivvjaġġar. Huwa indispensabbli li tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-konsumatur u li jiġu stabbiliti regolamenti u linji gwida ċari għall-operaturi tal-ivvjaġġar.