Żewġ persuni weġġgħu gravi wara li kellhom argument bi flixkun tal-ħġieġ f’San Ġiljan.
Il-każ seħħ għall-ħabta tat-tlieta ta’ filgħodu fi Triq Paceville f’San Ġiljan.
Il-Pulizija marret fuq il-post u sabet raġel, Libjan ta’ 41 sena, bi ġrieħi f’wiċċu.
Huwa allega li ftit minuti qabel kien involut f’argument ma’ raġel ieħor li telaq minn fuq il-post.
Waqt li kienu fuq dan ir-rapport, pulizija oħra li kienu fuq ronda fi Ġnien Spinola, innotaw raġel, Ingliż ta’ 27 sena, li kellu wkoll xi ġrieħi.
Il-Pulizija avviċinawh u allega li ftit minuti qabel kien ukoll involut f’argument.
Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li ż-żewġt irġiel kellhom argument bejniethom u allegatament, intuża flixkun tal-ħġieġ.
Huma ttieħdu l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għal aktar kura.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.