Kellu jkun goal drammatiku fil-91 minuta minn daqqa ta’ ras mill-isbaħ tal-ex tal-partita Federico Falcone li ta draw ġust ta’ 1-1 lil Valletta kontra r-rivali, Birkirkara.
Dan hekk kif kienet partita kollox ma’ kollox ferm bilanċjata u akkanita, biż-żewġ naħat ikollhom il-waqtiet pożittivi tagħhom fil-partita, biż-żewġ naħat joħolqu diversi ċansijiet ta’ skor.
Kienu Birkikarra li ħarġu fuq l-offensiva u fir-raba’ minuta Alex Satariano kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu salvata mingħajr wisq diffikultá mill-goalkeeper ta’ Valletta, Jake Galea.
Valletta wieġbu mal-kwarta logħob meta daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Federico Falcone, li f’din il-partita kien qed jilgħab proprju kontra l-ex team tiegħu, intemmet fjtt barra.
Minuta biss wara, iI-coach ta’ Birkirkara, Giovanni Tedesco, kien kostrett jaffettwa l-ewwel sostituzzjoni meta weġġa’ għalihom Enmy Manuel Pena Beltre biex minfloku daħal jilgħab is-sostitut ta’ 19-il sena, Nathan Cross.
Birkirakara fetħu l-iskor fil-21 minuta meta Alex Satariano approfitta bis-sħiħ minn żelqa ta’ Juan Ramires Bolanos, avvanza tajjeb, serva fuq platt tal-fidda lil Paul Mbong, li żmarkat tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Valletta, ħarġu ferm aggressivi fit-tentattiv ovvju li jġibu l-iskor indaqs u fid-49 minuta, Brandon Paiber, kellu xutt mid-distanza li għadda ftit għoli.
L-Istripes wieġbu żewġ minuti biss wara meta xutt fil-baxx ta’ Paul Mbong, ġie salvat minn Jake Galea.
It-team mill-kapitali reġa’ ħoloq il-periklu fl-64 minuta, permezz ta’ daqqa ta’ ras ta’ Jhonnattann Benites Da Conceicao li deher ftit żbilanċjat u li ntemmet ftit għoli.
Fil-75 minuta, Birkirkara, fallew ċans inkredibbli li jirduppjaw l-iskor meta Alex Satariano għamel l-impossibbli u xeħet barra dak li deher li kien ċans ovju ta’ goal.
U bl-aktar mod drammatiku, Valletta, ġabu l-iskor indaqs fil-91 minuta meta wara li rċieva cross perfett, Federico Falcone, kellu d-daqqa ta’ ras mill-isbaħ tiegħu tintemm wara l-goalkeeper tal-Istripes, Marcel Zapytowski.
Referee: Ishmael Barbara