Marsaxlokk irriżultaw bħala wisq b’saħħithom għal Sirens meta għelbuhom bl-iskor ta’ 3-1, fejn kienu diġá aċċertaw mir-rebħa sa tmiem l-ewwel taqsima hekk kif kienu diġá tliet goals minn fuq.
Huma fetħu l-iskor fit-22 minuta meta Junior Gomes avvanza tajjeb qabel għadda lil Yuro De Jesus Messias fuq ix-xellug u mill-viċin tefa’ ġewwa.
Sitt minuti biss wara, cross ta’ Leandro Aguirre mix-xellug nifed lid-difiża ta’ Sirens, qabel wasal għand Sunday Akinbule li minn pożizzjoni ideali tefa’ l-ballun fix-xibka.
Kulma jmur kompla d-dominju assolut tax-Xlukkkajri, u fl-34 minuta, skorjaw it-tielet goal meta Junior Gomes, wera kontroll sublimi fil-kaxxa meta dar mal-goalkeeper ta’ Sirens, Andrea Cassar, u tefa’ l-ballun f’lasta vojta g]al 3 – 0 sal-intervall.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Sirens, dehru trasformati u fil-fatt fis-66 minuta is-sostitut Frank Boateng irċieva tajjeb mingħand Mohammed Hafiz, qabel evita lill-avversarju tiegħu u għeleb lill-goalkeeper ta’ Marsaxlokk, Marko Drobnjak.
Madankollu, kull tama li Sirens kellhom li jerġgħu jidħlu lura fil-partita ġiet annullata mid-difiża ta’ Marsaxlokk li dehret ferm kumpatta u organizzata.
Is-sostitut Anthony Obonogwu seta’ żied ir-raba’ goal għal Marsaxlokk fit-80 minuta permezz ta’ xutt b’saħħtu li ġie salvat minn Andrea Cassar.
Marsaxlokk komplew jamministraw il-vantaġġ li kellhom sa tmiem il-partita biex b’hekk ir-ritorn għar-rebħ wara d-draw tat-tmiem il-ġimgħa li għaddiet kontra Gudja U.
Referee: Darryl Agius
BOV Plejer tal-Logħba: Sunday Akinbule (Marsaxlokk)