Għal sena oħra, is-Servizz Pubbliku Malti ġie ċċertifikat l-ewwel fl-Ewropa fuq servizzi ta’ eGovernment.
Dan ħareġ mir-rapport annwali maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea bl-isem ta’ ‘EGovernment Benchmark 2023 Report’, li janalizza s-servizzi governattivi online kollha tal-ħamsa u tletin pajjiż fil-kontinent.
Ir-rapport ipoġġi lil Malta fl-ewwel post b’riżultat straordinarju ta’ sitta u disgħin fil-mija. Pajjiżna ġie segwit minn l-Estjona bi tnejn u disgħin fil-mija u mil-Lussemburgu b’disgħa u tmenin fil-mija.
Ir-riżultat ta’ Malta kien sitta u għoxrin fil-mija aktar mill-medja tal-pajjiżi kollha.
Mill-istess riżultati tar-rapport maqsum f’sezzjonijiet, joħroġ li s-Servizz Pubbliku Malti ġie l-ewwel post fil-kwalità tad-disinn u tas-servizz fih innifsu u l-faċilità li bih jintuża mill-klijenti li jiġu bżonnu.
Is-Servizz Pubbliku ġie l-ewwel ukoll minn fost il-ħamsa u tletin pajjiż fit-trasparenza addottata fis-servizzi mogħtija. Ir-rapport wera wkoll li pajjiżna, flimkien mad-Danimarka, huma l-uniċi żewġ pajjiżi li joffru s-servizzi governattivi kollha online.
L-istess rapport wera wkoll li pajjiżna hu eżempju proattiv, hekk kif awtomatikament jagħti l-pensjoni malli persuna tilħaq l-età tal-irtirar.
Il-Prim Ministru Robert Abela wkoll immarka dan ir-riżultat tas-Servizz Pubbliku fuq il-profil uffiċjali tiegħu ta’ X, li kien magħruf bħala Twitter.
Hu stqarr li l-investiment b’saħħtu fl-Advanced maturity, user-centricity, trasparenza u cross-border services wasslu biex pajjiżna kiseb dan ir-riżultat.