Il-Ħadd, iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista se jerġa’ jiftaħ il-bibien tiegħu biex jilqa’ lil dawk kollha li jixtiequ jagħtu donazzjonijiet lill-Partit Laburista, hekk kif matul il-ġurnata se titella’ maratona ġbir ta’ fondi.
Il-maratona se tkun qed tibda wara intervent tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela, li fost l-oħrajn se jkun qed jinteraġġixxi f’mistoqsija u tweġiba fil-ftuħ tal-Konferenza Ġenerali Laburista bit-tema “Insaħħu Malta Tagħna”.
Il-Konferenza Ġenerali, li se tkun qed issir bejn l-ewwel u t-tmienja ta’ Ottubru li ġej, se toffri spazju għall-attivisti tal-Partit biex ikollhom sehem ċentrali fit-tfassil tal-politika lokali, iżda wkoll spazju lis-soċjetà b’mod ġenerali. Fil-fatt din se tkun qed tmur fid-distretti elettorali kollha biex il-Partit Laburista jispjega, iżda fuq kollox jisma’.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Randolph Debattista, spjegalna x’inhu mistenni nhar il-Ħadd li ġej.
Qal, “Il-Ħadd se tkun ġurnata mimlija għalina. Filgħodu l-Prim Ministru se jkun qiegħed jiftaħ il-Konferenza Ġenerali annwali speċjali li għandna din il-ġimgħa. Imma anke tibda l-maratona ġbir ta’ fondi. Filgħaxija se nkunu qed naraw dehra ġdida tal-ONE, l-investiment ta’ nies fejn qiegħed imur fil-Partit Laburista kif ukoll fl-istazzjon.”
Debattista għamel l-appell tiegħu biex kulħadd ikun ġeneruż mal-Partit Laburista, għax l-flus li jiġu investiti fih qed jinvestihom lura fin-nies.
Qal, “Investiment li l-Partit Laburista mill-Gvern iroddu lura lin-nies. Allura l-appell tiegħi biex in-nies iċemplu u jiġu hawnhekk ħalli jgħinu lill-Partit Laburista.”
Kull min jattendi se jkollu mhux biss l-opportunità li jiltaqa’ mal-Prim Ministru, Robert Abela, u mal-amministrazzjoni tal-Partit, iżda wkoll li jikkontribwixxi u jgħin lill-Partit Laburista biex jibqa’ jixpruna l-bidla għall-aħjar fil-pajjiż.