Id-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità se jibda joffri servizz ta’ tabib għall-anzjani li għandhom aktar minn sittin sena, li jgħixu fil-komunità, u li jkollhom problemi ta’ saħħa kumplessa.
Id-dettalji dwar dan is-servizz ġdid tħabbru mill-Ministru responsabbli, Jo Etienne Abela, li spjega kif professjonisti fil-kura tas-saħħa se jkunu qed jidentifikaw lill-anzjani eliġibbli.
Fost l-anzjani li jistgħu jgawdu minn dan is-servizz hemm dawk li mhumiex diġà jgawdu minnu mid-Dipartiment tal-Kura Primarja jew li mhux qed jibbenefikaw minn servizzi oħrajn relatati.
Magħhom eliġibbli wkoll l-anzjani li ma jistgħux joħorġu mid-dar u dawk li jbatu minn diversi kundizzjonijiet ta’ saħħa.
It-tabib tal-komunità se jkun qed jaħdem fuq il-każi tal-anzjani eliġibbli għal dan is-servizz u, bi pjan ta’ kura medika, l-anzjani se jirċievu trattament skont il-ħtiġijiet partikolari tagħhom.
Qal, “Aħna konxji li fil-komunità għandna diversi persuni li jbatu bi problemi ta’ saħħa, problemi mediċi ta’ natura kumplessa. Għalhekk, id-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva qed iniedi dan il-proġett fejn speċjalist, it-tabib tal-familja, ħa jkun jista’ jsegwi dawn il-każi wara li jiġu riferuti minn tim ta’ professjonisti apposta.”
Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jagħmel kuntatt maċ-Ċentru Servizz Anzjan fuq in-numru 22788900.
F’Għawdex, wieħed jista’ jagħmel kuntatt fuq in-numru 22788238.