Ftit ġimgħat qabel jitressaq il-Baġit għall-2024, l-Erbgħa filgħodu, il-Gvern nieda d-dokument ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-baġit.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana rrimarka kif ir-rwol tal-Gvern f’dan iż-żmien eċċitanti, iżda ta’ sfida, hu li jixpruna l-aspirazzjonijiet, it-talent u l-ideat innovattivi biex is-soċjetà tkompli miexja ’l quddiem.
Dan filwaqt li jkompli jiġi mfassal futur ekonomiku, soċjali u finanzjarju b’saħħtu, anke fi sfond ta’ ekonomiji dinjin li qed jaddattaw kontinwament.
Fil-fatt, il-Ministru għall-Finanzi rrimarka kif l-aġilità tal-ekonomija Maltija tista’ sservi tajjeb għall-futur hekk kif il-Gvern qed ikompli jfassal ekonomija li twassal għal-kwalità ta’ ħajja aħjar.
Id-Dokument ta’ Qabel il-Baġit jipprovdi sfond tas-sitwazzjoni f’pajjiżna f’diversi fatturi.
Fost oħrajn, id-Dokument ta’ Qabel il-Baġit jitkellem dwar it-tkabbir ekonomiku hekk kif pajjiżna fl-2022 ra tkabbir reali ta’ 6.9%. Dan hu aktar mid-doppju tat-tkabbir medju fl-Unjoni Ewropea li kien ilaħħaq it-3.4%.
Sadanittant hu stmat li għall-2023 u l-2024 pajjiżna jkollu tkabbir ta’ 3.9% u 4.4% rispettivament. B’kuntrast, l-ekonomija Ewropea mistennija tikber biss b’1% din is-sena u 1.7% is-sena d-dieħla.
Dwar il-qagħda fiskali ta’ pajjiżna, id-Dokument ta’ Qabel il-Baġit juri kif aktar minn nofs il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea għandhom dejn pubbliku li jaqbeż is-60% tal-Prodott Domestiku Gross.
B’hekk, minkejja l-għajnuniet kollha li ta biex għamel tajjeb għall-isfidi bla preċedent matul il-pandemija u anke mil-bidu tal-Gwerra fl-Ukrajna, pajjiżna jibqa’ wieħed mill-ftit fl-Unjoni Ewropea li għandu dejn pubbliku ta’ inqas minn 60%.
Fil-fatt, filwaqt li l-medja Ewropea f’dan ir-rigward hi ta’ 85%, id-dejn f’pajjiżna jlaħħaq biss ta’ ftit aktar minn 52%.
Dwar l-għajnuniet minħabba l-inflazzjoni b’rabta mal-fjuwils u l-prezzijiet tal-elettriku f’pajjiżna, il-Ministru Caruana rrimarka kif din l-għajnuna il-Gvern ħa jibqa’ jipprovdiha, madankollu enfasizza kif din mhijiex għajnuna normali tant li saħansitra ma ssibhiex f’ħafna pajjiżi oħrajn Ewropej.
Fil-fatt hu spjega kif li, kieku l-Gvern jagħżel li ma jkomplix jipprovdi din l-għajnuna, il-prezzijiet fil-pompi tal-petrol u fil-kontijiet tad-dawl jisplodu ’l fuq b’mod awtomatiku.
Qal, “Kultant id-diżappunt tiegħi hu li qisu xejn mhu xejn. ‘U iva mhux ovja dik’. Le ta, mhux ovvja. Le mhux ovvja. Li kieku dak kellu jaqbad u għada niddeċiedu li jien fit-30 ta’ Ottubru mmur naqra l-Baġit u ngħidu dak waqaf, dak ifisser li kulħadd se jara l-prezz fil-pompa jiżdied b’xi 45ċ għal kull litru. Jiġifieri d-diesel bħalissa qiegħed bil-€1.21 u l-petrol xi €1.32. Dawk jiżdiedu b’45ċ hekk, b’daqqa ta’ pinna.”
Sadanittant, f’dan l-isfond fiskali, fost affarijiet oħrajn, f’pajjiżna qed ikomplu jonqsu n-nies mingħajr impjieg u li jiddependu fuq l-assistenza soċjali, grazzi għal ekonomija li dejjem qed tikber. Fil-fatt, in-nies fuq l-assistenza soċjali b’rabta ma’ dan naqsu minn 8,286 bejn Jannar u Ġunju tal-2019 għal 6,335 bejn Jannar u Ġunju tal-2023.
Dan anke grazzi għar-rata ta’ qgħad storikament baxxa, li f’Lulju ta’ din is-sena niżlet għal 2.5% jew 3.9% inqas mir-rata medja tal-Unjoni Ewropea u l-inqas rata fost l-istati membri kollha.
Qal, “Malta t-tielet l-aktar pajjiż fl-Unjoni Ewropea li għandu nies fis-suq tax-xogħol. Qabel konna nkunu xis-27 jew it-28 pajjiż, l-aħħar prattikament mal-Italja kważi. Litteralment pajjiżi ġirien ġeografikament u pajjiżi ġirien f’din it-tabella konna nkunu. Aħna għamilna li kellna nagħmlu, biddilna u mill-aħħar ġejna t-tielet, huma ma biddlu xejn u baqgħu fejn kienu.”
Id-Dokument ta’ Qabel il-Baġit juri wkoll li, grazzi għal qasam tax-xogħol b’saħħtu, pajjiżna hu r-raba’ l-aktar pajjiż Ewropew, li minnu l-gradwati ta’ bejn l-20 u t-34 sena jsibu xogħol mill-ewwel malli jlestu l-perkors edukattiv tagħhom.
Ir-rata ta’ gradwati li jsibu xogħol tammonta għal 90.8%, li hi wkoll 8.4% aktar mir-rata medja Ewropea.