L-eżerċizzju hu ta’ benefiċċju għas-saħħa u jkun aktar pjaċevoli meta jsir flimkien.
Fil-Ġimgħa Ewropea tal-Isport, l-aġenzija Project Green, li s’issa rrinnovat aktar minn 40,000 metru kwadru ta’ spazju miftuħ f’pajjiżna, nediet app bl-isem ‘Fitness in the Park’ bil-għan li żżid l-attività fiżika u tipprovdi lill-pubbliku aċċess għal varjetà ta’ eżerċizzji ta’ taħriġ onlajn minn fuq il-mobile jew tablet.
Dawn jinkludu eżerċizzji fuq tliet livelli differenti, għal min għadu jibda, min jinsab f’livell intermedjarju u anke għal dawk f’livell avvanzat.
L-inizjattiva Fitness in the Park tindirizza dan billi tagħti l-possibbiltà lil familji u ħbieb, biex jingħaqdu f’dawn is-sessjonijiet ta’ taħriġ fil-beraħ u b’hekk l-eżerċizzju fiżiku jkun aċċessibbli, pjaċevoli u konvenjenti għal kulħadd.
L-inizjattiva Fitness in the Park hi oħra f’kullana li tgħin biex f’pajjiżna jiġu intensifikati l-isforzi fil-ġlieda kontra l-obeżità.
Dwar din l-app, tkellimna mal-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Steve Ellul.
“Din hi l-Ġimgħa Ewropea tal-Isport u allura għalina, bħala Project Green, importanti ħafna li nkomplu nippromwovu l-ispazji miftuħa għall-użu mill-isportivi tagħna, jew persuni li jħobbu l-isport jistgħu jagħmlu dan fl-ispazji miftuħa tagħna, permezz ta’ Park Fitness, applikazzjoni li tista’ tintuża minn kulħadd biex issir attività sportiva f’dawn l-ispazji miftuħa.”
Project Green installat park fitness totems f’numru ta’ parks. Dawn jinsabu fi Ġnien Rinella, f’San Klement f’Ħaż-Żabbar u fl-Open Campus, Milbrae Grove, fil-Mosta. Hu ppjanat li jiġu installati aktar totems simili f’parks differenti.