S’Awwissu ta’ din is-sena, id-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali li jieħu ħsieb il-kontrolli fuq l-ikel, wettaq aktar minn elfejn u mitejn spezzjoni fi stabbilimenti tal-ikel jew restoranti.
Fl-istess perjodu, dan id-Direttorat, li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għas-Saħħa, ipproċessa aktar minn tlett elef u tliet mitt konsenja tal-ikel, u ħa aktar minn elf u mitejn kampjun ta’ ikel u ilma, filwaqt li investiga kważi erba’ mitt ilment li saru min-nies.
Fil-Jum Dinji għas-Saħħa Ambjentali, id-Direttur tad-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali, Hadrian Bonello, spjegalna kif parti kbira mix-xogħol tad-Direttorat isir fi stabbilimenti tal-ikel, bħal lukanda u ħwienet tal-merċa.
F’kull spezzjoni, żewġ uffiċjali jmorru fuq il-post għall-għarrieda, fejn jitkellmu mal-persuna responsabbli mis-sigurtà fl-ikel u jibdew jispezzjonaw diversi aspetti.
ONE News ingħata l-opportunità li joħroġ ma’ żewġ uffiċjali li wettqu spezzjoni għall-għarrieda fi kċina ta’ lukanda ewlenija f’pajjiżna u segwa mill-qrib dan il-proċess li jassigura l-kwalità u s-sigurtà fl-ikel li nieklu.
“Il-parti l-kbira tal-ispezzjoni tkun fil-kċina u naraw kull kantuniera li teżisti fil-kċina biex naraw il-livell tal-indafa li tinżamm, niċċekkjaw il-mod kif l-ikel qed jiġi stored fil-kċejjen u fil-fridges fil-cold rooms, il-mod kif qed jaħdmu fl-immaniġġjar tal-ikel l-istaff, xi drabi nieqfu u nosservaw il-mod kif qed jaħdmu biex naraw jekk hux qed jaħslu idejhom regolari, dawn l-affarijiet.”
Id-Direttur tana eżempju ieħor, dwar kif isiru l-ispezzjonijiet f’supermarkets.
“Eżempju, jaraw iċ-cheesecounter, jaraw kif l-ikel qed jiġi displayed għall-konsumatur, jiċċekkjaw it-temperaturi, jiċċekkjaw it-tabelli tal-ikel li hemm fuq l-ixkafef, jaraw l-indafa tal-istabbiliment inġenerali – nidħlu f’dettall hekk.”
Wara l-ispezzjoni, l-uffiċjali jiddiskutu n-nuqqasijiet li jkunu sabu mal-persuna responsabbli u, jekk ikunu ta’ riskju baxx, jagħtuhom żmien stipulat sa meta jridu jitranġaw.
Jekk in-nuqqasijiet ikunu aktar serji, jittieħdu azzjonijiet aktar serji.
Fil-fatt, s’Awwissu, id-Direttorat ħareġ erbgħa u disgħin ordni biex jingħalqu postijiet jew jitwaqqfu attivitajiet milli jsiru.
Fl-istess perjodu, disgħa u erbgħin operatur tressqu l-Qorti u nħarġet twissija dwar tnejn u tletin prodott tal-ikel.
U fi tmiem sajf impenjattiv ieħor, id-Direttur spjegalna kif lil hinn mill-ikel, id-Direttorat jieħu ħsieb ukoll affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent – fosthom il-bajjiet.
“Għandi tim ta’ nies jieħdu kampjuni tal-baħar tal-bajjiet li għandna madwar Malta u Għawdex. Jieħdu l-kampjuni tal-ilma tal-baħar u nittestjawhom fil-laboratorji fil-Public Health Lab. Jekk ikollna bajja b’riżultati ħżiena, b’ċertu livelli għoljin, nagħlqu l-bajja. Nagħmlu t-tabelli u noħorġu press release, u qabel ma din il-bajja tkun tajba, ma niftħuhiex, għax trid toħroġ tlett ijiem wara xulxin b’riżultati tajbin.”
Fost xogħol ieħor li jsir minn dan id-Direttorat, hemm il-Pest Control Treatment, l-immaniġġjar taċ-ċimiterji u l-kontroll tat-tabakk.