Koppja eterosesswali fir-Renju Unit, jiġifieri mara u raġel li qegħdin f’relazzjoni tilfu kawża l-Qorti biex jidħlu f’unjoni ċivili. L-Unjoni Ċivili hija alternattiva għaż-żwieġ għal koppji tal-istess sess fir-Renju Unit u f’numru ta’ pajjiżi oħra, fosthom f’Malta.
Il-Qorti tal-Appell f’Londra ċaħdet it-talba ta’ Rebecca Steinfeld u Charles Keidan, li argumentaw li qed jiġu diskriminati hekk kif ma jistgħux jissieħbu f’unjoni ċivili għax huma tal-istess sess. Steinfeld u Keidan jopponu ż-żwieġ tradizzjonali u saħqu li jinsabu diżappuntati ferm bid-deċiżjoni tal-Qorti.
Il-liġi dwar l-unjoni ċivili tal-2004, introduċiet id-dritt li koppji tal-istess sess jistgħu jissieħbu f’unjoni ċivili għall-ewwel darba fir-Renju Unit. Liema liġi tagħti l-istess drittijiet lil dawn il-koppji bħad-drittijiet ta’ koppji miżżewġin, bid-differenza li din l-unjoni ma tistax issir fi Knisja. Il-koppja argumentat fil-Qorti li l-liġi tal-unjoni ċivili tmur kontra l-liġi tal-ugwaljanza.
Il-gvern sostna li kien se jieħu d-deċiżjoni finali dwar jekk l-unjoni ċivili għandiex tiġi estiża għal kulħadd wara li evalwa l-impatt li dan l-iżvilupp jista jkollu fuq iż-żwieġ.
Tnejn mit-tliet imħallfin fis-smigħ tal-każ fil-Qorti tal-Appell qalu li l-gvern għandu jkollhu iktar żmien biex jevalwa t-triq ‘il quddiem dwar sħubijiet ċivili u żwiġijiet. It-tielet imħallef kellhu opinjoni differenti minn dik taż-żewġ imħallfin, hekk kif ġie spjegat fis-sommarju tas-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Appell.