Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg kellu laqgħa mas-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u Żvilupp Ekonomiku (OECD), Mathias Cormann, fil-kwartieri ġenerali tal-OECD f’Pariġi.
Iż-żjara serviet bħala pass kruċjali sabiex Malta tkompli tapprofondixxi l-kollaborazzjoni tagħha mal-organizzazzjoni internazzjonali u twettaq l-aspirazzjoni tagħha li ssir membru tal-OECD.
Fil-fatt, il-Ministru Borg ikkomunika d-deċiżjoni tal-Gvern Malti li fix-xhur li ġejjin jissottometti ittra ta’ sħubija għall-konsiderazzjoni tal-Kunsill Ministerjali tal-OECD. Sostna li l-Gvern Malti jistenna bil-ħerqa li jibda diskussjonijiet dwar termini, kundizzjonijiet u proċess għall-possibilità ta’ sħubija ta’ Malta fl-OECD.
Il-Ministru Borg afferma mill-ġdid li Malta tagħraf u tapprezza ħafna lir-rwol ċentrali tal-OECD fit-trawwim tal-istabbiltà, l-iżvilupp, u l-progress internazzjonali. Malta tħaddan u hija impenjata lejn il-prinċipji, il-valuri, u l-miri mħaddna mill-OECD, inkluż impenn qawwi għat-trasparenza, ir-responsabbiltà, u l-qsim tad-data.
Din il-laqgħa tenfasizza wkoll id-dedikazzjoni bla waqfien ta’ Malta biex tissodisfa l-kriterji meħtieġa sabiex tissieħeb fl-OECD, kif kien spjegat fil-manifest elettorali tal-Gvern. F’dan ir-rigward, il-Ministru enfasizza wkoll li għalkemm it-triq għall-adeżjoni se tkun waħda ta’ sfidi u tinvolvi aderenza ma’ diversi regoli u kodiċi tal-OECD, Malta tinsab kommessa li żżid l-impenn tagħha mal-OECD.
Dan is-sentiment kien wieħed milqugħ b’mod pożittiv ħafna mis-Segretarju Ġenerali Cormann, fejn stqarr li l-OECD tinsab lesta li taqsam il-kompetenza tagħha għall-passi li jmiss.
Il-Ministru Ian Borg innota li l-adeżjoni ta’ Malta mal-OECD tikkontribwixxi għal diversità ġeografika fost in-nazzjonijiet membri tagħha. Stqarr li, “Malta tadvoka favur l-iSmall Island Developing States (SIDS), fejn tfittex li tagħmel impatt pożittiv fuq skala globali. Dan diġà qed nagħmluh bħala membru mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Maqgħuda, u nittamaw li s-sħubija tagħna mal-OECD se tipprovdilna pjattaforma oħra biex nindirizzaw l-isfidi uniċi li jħabbtu wiċċhom magħhom stati gżejjer żgħar u tipproponi soluzzjonijiet innovattivi li jsarrfu biex tiġi aċċettata aktar faċilment il-governanza globali fuq firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet kritiċi.”
“Malta hija nazzjon li, minkejja li hija membru tal-Unjoni Ewropea, tħares lil hinn mill-fruntieri tagħha sabiex tkun parteċipi fi kwistjonijiet regolatorji internazzjonali. Għandna reputazzjoni tajba ħafna, stabbli u rispettata ħafna fix-xena globali, fejn tajna prova tagħha permezz ta’ bosta inizzjattivi fosthom l-aġenda tal-azzjoni dwar il-klima u l-konnessjoni tagħha mal-governanza tal-oċeani,” tenna l-Ministru Borg.
Iż-żjara tal-Ministru Borg issegwi sensiela ta’ impenji ta’ livell għoli bejn Malta u l-OECD matul dawn l-aħħar sentejn, li bdew biż-żjara tal-Prim Ministru fl-OECD f’Novembru 2021.