Bil-għan li jiġu ssimplifikati l-proċessi, tittejjeb l-esperjenza tal-klijent u tissaħħaħ it-trasformazzjoni diġitali, il-Bank of Valletta għadu kif introduċa t-teknoloġija tal-firem diġitali. Ġaladarba din tkun qed tintuża għas-servizzi u l-proċessi kollha, il-Bank ikun qed jilħaq il-mira li jelimina l-użu tal-karta stampata.
Permezz ta’ firem diġitali, klijenti, fornituri ta’ servizzi u prodotti, kif ukoll impjegati tal-Bank, ma jkollhomx iżjed ħtieġa li jiffirmaw dokumenti b’mod fiżiku filwaqt li xorta waħda jinżamm l-istess livell ta’ awtentiċità. Din it-trasformazzjoni diġà bdiet tapplika għal xi servizzi li jużaw il-klijenti u għal xi proċessi interni. Gradwalment se tkun applikabbli għal kull meta jkun hemm il-ħtieġa li jiġu ffirmati dokumenti sew minn naħa tal-Bank kif ukoll mill-klijenti.
Il-Kap tat-Taqsima Diġitali tal-BOV, Theodoros Papadopoulos spjega li, “Il-Bank qiegħed jagħmel avvanzi sinifikanti fil-qasam diġitali u bl-introduzzjoni tal-firem diġitali, qed jagħmel pass ieħor ’il quddiem f’dan il-vjaġġ ta’ trasformazzjoni. L-għodda diġitali joffru esperjenza aqwa lill-klijenti. Minn kummenti li nirċievu mill-klijenti permezz tal-programm tagħna “Voice of the Customer” qed inkomplu ntejbu u nġeddu s-servizz li noffru. Dalwaqt ukoll se nħabbru iżjed titjib fuq il-pjattaformi diġitali eżistenti tagħna.”
Matul l-ewwel fażi ta’ dan il-proġett, klijenti tal-Wealth Management u Private Banking, diġà qed jirċievu dokumenti elettroniċi u jiffirmaw b’mod diġitali tranżazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu man-negozju tal-kummerċ fis-swieq tal-ishma. Anke klijenti li japplikaw għall-Internet u l-Mobile Banking tal-BOV permezz tal-Fergħa Virtwali, qed jirċievu l-applikazzjoni tagħhom b’mod elettroniku.
Il-pass li jmiss se jara lill-klijenti li japplikaw għal kards, kemm dawk personali kif ukoll tal-kumpaniji, jiffirmaw għalihom b’mod diġitali. Impjegati ġodda li qed jiġu ingaġġati mill-Bank ukoll mhux qed jingħataw il-kuntratt tal-impjieg b’mod stampat, filwaqt li fornituri li jipprovdu s-servizzi tagħhom lill-Bank of Valletta, qed jidħlu għan-negozju tagħhom mal-Bank billi jiffirmaw il-kuntratti b’mod diġitali.
Iktar informazzjoni dwar dan il-proċess u dwar kif wieħed għandu jiffirma b’mod diġitali, tinsab disponibbli fuq is-sit https://www.bov.com/content/bov-digital-signatures