Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul ħabbar il-ftuħ uffiċjali tal-applikazzjonijiet għall-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2023. Għal sena oħra, dan il-premju ser jingħata taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, u ser ikun qed jirrikonoxxi l-għaqal u l-bżulija tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Is-Segretarju Parlamentari Ellul tenna li dan il-gvern minn dejjem kellu l-ħaddiema fiċ-ċentru tal-politika tiegħu. Kompla li l-gvern kommess li jdaħħal fis-seħħ aktar liġijiet li tassew jipproteġu u jsaħħu l-kundizzjonijiet tax-xogħol f’pajjiżna.
Is-Segretarju Parlamentari ħeġġeġ lill-pubbliku biex jipparteċipa u jinnomina lil dawk il-persuni li jaħsbu li huma denji li jirbħu l-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2023.
Angela Agius, iċ-Chairperson tal-Bord tal-għażla Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2023, qalet li apparti l-premju ewlieni tal-ħaddiem/a tas-sena se jkun hemm tmien kategoriji oħra. Dawn huma:
- il-maniġer/kap tas-sena;
- it-tim tas-sena;
- l-aktar organizzazzjoni inklussiva;
- dik l-organizzazzjoni li tippromwovi l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;
- l-aktar kumpanija li tippromwovi r-responsabbiltà soċjali;
- l-aħjar imprenditriċi/imprenditur;
- l-aktar mexxej/ja żagħżugħ/a ispiranti; u
- lifetime achievement.
In-nominazzjonijiet għall-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2023 huma miftuħa sa nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Novembru. Wieħed jista’ jissottometti n-nomina online billi jidħol fuq is-sit www.premjuhaddiematassena.com
Wara li jagħlqu l-applikazzjonijiet, il-bord tal-għażla, li huwa kompost minn membri indipendenti, ser jiddetermina min ser ikunu r-rebbieħa f’kull kategorija biex imbagħad jitħabbru f’ċerimonja li ser issir fil-15 ta’ Diċembru taħt il-Patroċinju tal-President ta’ Malta George Vella.