Studenti, li se jkunu qed ikomplu javvanzaw l-istudji tagħhom fl-arkitettura u fid-disinn urban, qed jingħataw l-opportunità biex ikun parti mill-proġetti ta’ spazji miftuħa għall-Maltin u l-Għawdxin.
Dan hekk kif l-aġenżija tal-Gvern Project Green qed tagħti l-opportunità unika lil dawn l-istudenti biex ikunu l-katalisti fuq proġetti ambjentali.
Dwar dan tkellimna mal-istudent Karl Farrugia, li qal li din hi opportunità importanti ħafna għalih, għax toffri l-edukazzjoni ħolistika fejn it-teorija qed tġi ppratikata fil-ħajja ta’ kuljum.
“Din hi opportunità interessanti ħafna. Nixtieq nirringrazzja lill-Università u Project Green ta’ din l-opportunità u hi interessanti għax hi x-xewqa tagħna li l-proġett ma jkunx biss fuq il-karta, imma anke jkun fir-realtà. Din hi x-xewqa ta’ ħafna biex nikbru fuq ix-xogħol.”
Apprentist ta’ Project Green – Karl Farrugia
Millison Zarb, qalet li permezz ta’ dan l-apprentistat, hi wkoll qed tkompli tkabbar il-kreattività u l-innovazzjoni tagħha u qed tħalli marka fuq l-iżvilupp tal-pajjiż tagħna.
“Project Green qed tagħtina l-opportunità li mhux biss nitgħallmu t-teorija tal-arkittetura u taż-żoni urbani, imma anke esperjenza fuq il-post tax-xogħol u anke ma’ entitajiet differenti li jaħdmu magħhom Project Green.”
Apprentista ta’ Project Green – Millison Zarb
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Steve Ellul qal li qabel din l-opportunità qatt ma kienet ingħata u l-istudenti, li kienu jsegwu dawn il-korsijiet, kellhom isiefru barra minn xtutna.
Hu żied jgħid li pajjiżna joffri opportunità biex dawn iż-żgħażagħ iħallu wkoll il-marka li jixtiequ fuq il-pajjiż.
“Qegħdin jistudjaw, imma fl-istess ħin qed nagħtuhom l-opportunità biex ikunu fid-driving seat. Ikunu huma li jtellqu u jmexxu ’l quddiem diversi proġetti, naturalment proġetti fiż-żoni urbana li se ndawruhom f’żoni ħodor.”
Kap Eżekuttiv ta’ Project Green – Steve Ellul