Aktar minn erbat elef ħaddiem fis-servizz tas-saħħa pubblika se jkunu qegħdin jieħdu pagi u kundizzjonijiet aħjar, wara li ġew iffirmati ftehim settorjali ġodda għall-infermieri, il-qwiebel u l-ECG technicians.
Preżenti għal dawn il-ftehim kien hemm il-Prim Ministru Robert Abela, li sostna li dan hu xhieda qawwija ta’ Gvern impenjat li jinvesti bil-kbir fl-oqsma li huma ta’ ġid għall-komunità.
“Investiment fil-bniedem, investiment fiż-żgħażagħ tagħna li se jagħżlu karriera f’din il-vokazzjoni tant importanti. Kemm trid tkun iddedikat biex tagħżel il-professjoni ta’ nurse, ta’ qwiebel jew ta’ ECG Technicians u llum għandek dawn iż-żewġ ftehimiet kollettiv li se jkun ta’ xprun bil-kundizzjonijiet li qegħdin joffru biex aktar żgħażagħ tagħna jagħżlu din it-triq vokazzjonali.”
Filwaqt li enfasizza r-rieda tal-Gvern li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja, fisser kif din hi waħda f’ħolqa ta’ inizjattivi.
“Dawn iż-żewġ ftehim kollettivi li ffirmajna llum se jkunu qed joffru l-aqwa pagi, l-aqwa kundizzjonijiet tax-xogħol li kien qatt hemm għal dawn it-tliet professjonijiet u hemmhekk fejn wieħed jara l-importanza ta’ ekonomija b’saħħitha, biex imbagħad dak li trendi l-ekonomija jkun jista’ jiġi investit f’settturi tant importanti bħal dan tas-saħħa.”
Min-naħa tiegħu, il-President tal-MUMN, Paul Pace, iddeskriva dan il-ftehim bħala storiku u tenna li hemm bosta benefiċċji, fosthom għall-pazjenti u anke għall-infermieri u l-qwiebel infushom. Dan hekk kif dawn tal-aħħar huma aktar motivati.
“L-agreement li qed niffirmaw illum hu l-aqwa ftehim li l-MUMN qatt iffirmat għall-infermieri u l-qwiebel. Huwa ftehim li ġie fi żmien ta’ sfidi kbar għall-infermieri madwar id-dinja u kien il-mument propizju li nagħmlu dan l-agreement għall-ġid tal-poplu Malti.”
Għall-iffirmar ta’ dawn il-ftehimiet, il-Prim Ministru kien akkumpanjat mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, u mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela.