Notte Bianca hi lejla mfittxija minn ħafna ta’ kull sena fil-Belt Valletta u twassal ritratt tat-tiżwiqa kulturali li jħaddan pajjiżna. Minbarra 60 attività bis-sehem ta’ aktar minn 250 artist, ikunu miftuħa b’xejn għall-pubbliku diversi ġojjelli li tgawdi l-kapitli, bħal mużewijiet, fortifikazzjonijiet u bereġ.
Waqt it-tnedija, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, ħabbar li l-edizzjoni ta’ din is-sena tan-Notte Bianca se tkun qed issir is-Sibt 7 ta’ Ottubru.
Hu semma li n-Notte Bianca se terġa’ sservi ta’ investiment dirett u kontinwu fil-qasam kulturali u kreattiv biex dan ikompli jiżviluppa u jikber, b’mod li jkun aktar aċċessibbli għall-artisti, il-kreattività u s-soċjetà tagħna.
Dwar dan, il-Ministru spjegalna kif il-Gvern hu mpenjat li jkompli jinvesti fil-kultura.
Qal “Illum hi ġurnata sabiħa, għax qed inħabbru avveniment ieħor li fih innifsu hu investiment ulterjuri fl-artisti tagħna. Nieħu gost nara numri kbar ta’ artisti – aktar minn 250 – se jieħdu sehem u dawn kollha se nkunu qed inpoġġulhom it-talent tagħhom b’mod li jkun jidher mal-poplu Malti u Għawdxi u t-turisti li jżuruna.”
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet biswit il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius, qal li l-kapitali tagħna se tkun qed tinbidel f’festa ta’ kuluri, fejn jispikkaw l-arti u l-kultura. Hu tkellem dwar d-diversi kollaborazzjonijiet li l-aġenzija għandha ma’ entitajiet statali, NGOs u għaqdiet oħrajn, li kollha se jkunu qed jagħtu l-kontribut tagħhom permezz ta’ produzzjonijiet oriġinali b’temi soċjali, u oħrajn informattivi.
Id-Direttur Artistiku tal-Festival, Antoine Farrugia, spjega li n-Notte Bianca għal sena oħra se tkun waħda oħra kbira, fejn se tesponi ’l fuq minn 60 proġett varjat fuq seba’ rotot artistiċi. Ħabbar li l-artisti fuq il-palk prinċipali se jkunu l-kantanti lokali Aidan u Ivan Grech u l-band tiegħu, flimkien mal-band popolari Taljana ‘Le Vibrazioni’.
Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra, spjega kif permezz tan-Notte Bianca, il-Belt Valletta, tinbidel f’lejla mimlija kultura li tinkludi mużika, teatru, żfin u installazzjonijiet tal-ogħla kwalità, kif ukoll attivitajiet edukattivi għat-tfal u għall-familja kollha.
Zahra kompla jispjega li din is-sena Festivals Malta, fuq is-sit elettroniku tagħha, se tinkludi mappa interattiva biex tkun aktar faċli għal kull min se jattendi biex iżur il-postijiet u l-avvenimenti l-aktar li jinteressawh.
Mal-mikrofonu ta’ ONE News, Zahra fissrilna l-importanza ta’ Notte Bianca fil-kalendarju kulturali ta’ pajjiżna.
Qal “Fil-kalendarju kulturali Malti, in-Notte Bianca hi importanti ħafna għa tagħti l-opportunità tal-Maltin u l-Għawdxin u t-turisti li jkunu qed iżuru f’pajjiżna, jaraw diversi binjiet pubbliċi, binjiet storiċi li jiftħu partikolarment għal din il-ġurnata, apparti l-festa għall-familja kollha, divertiment, festa kulturali u għalhekk inħeġġu lill-poplu Malti biex nhar is-Sibt 7 ta’ Ottubru jingħaqad magħna fit-toroq tal-Belt kapitali.”