Ġew inawgurati uffiċini ġodda għall-ħaddiema tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA. L-uffiċini, li fl-imgħoddi kienu jservu bħala l-kwartieri prinċipali tal-kumpanija GO, jinsabu fi Spencer Hill, fil-Blata l-Bajda.
Il-binja issa attrezzata b’uffiċini mill-aktar moderni li joffru ambjent ta’ xogħol mill-aqwa għall-impjegati kollha ta’ din l-awtorità.
Kif diġà tħabbar, l-Awtorità se tkun qed tinvesti madwar €1.8 miljun f’sistema ġdida tal-informatika bil-għan li tkompli ssaħħaħ l-inforzar tagħha u tkun tista’ taċċedi sistemi ta’ entitajiet oħrajn.
B’hekk l-Awtorità se jkollha wkoll il-pjattaforma, magħrufa bħala eApps, li tinkorpora l-informazzjoni kollha biex tgħinha fl-inforzar.
Il-Kap Eżekuttiv tal-BCA, Jesmond Muscat, qal li l-ftuħ ta’ dawn l-uffiċini mhuwiex it-tmiem tal-vjaġġ, imma l-kontinwazzjoni biex l-awtorità jkollha l-għodda neċessarja ħalli tkompli tintervjeni fis-settur.
Hu spjega li l-binja se tgħin biex il-prodott u s-servizz ikun aħjar għal kulħadd.
Qal “Għada pitgħada, apparti fil-post u fil-ħaddiema, ħa nkunu qed ninvestu wkoll fit-teknoloġija biex ikollna għodda aħjar għan-nies hemm barra biex is-servizz tagħna jkun aħjar.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru responsabbli Stefan Zrinzo Azzopardi qal li, minkejja li l-Awtorità ilha ftit żmien biss imwaqqfa, diġà għamlet xogħol sostanzjali u qegħda tkompli tibni fuq dak li diġà sar.
Hu ta ukoll rendikont tar-riformi li seħħew u li qegħdin iseħħu fis-settur tal-kostruzzjoni, fosthom ir-regolamenti dwar l-obbligu ta’ liċenzjar tal-kuntratturi tat-twaqqigħ, skavar u bini, u t-tibdil fir-regoli tal-liċenzja tal-bennej, li għadha kif intemmet il-konsultazzjoni pubblika dwarha.
Hawnhekk saħaq li bidla importanti f’din il-liċenzja se jkun l-obbligu tar-refresher courses għall-bennejja biex jaġġornaw ruħhom mar-realtajiet tal-industrija tal-lum.
Dr Zrinzo Azzopardi stqarr ukoll li, b’riżultat tal-konsultazzjoni li saret dwar il-liċenzja tal-bennej, il-Gvern se jkun qed iwessa’ d-diskussjoni bil-għan li jissaħħaħ il-qafas regolatorju dwar l-immaniġġjar ta’ siti ta’ kostruzzjoni.
Qal “Dan hu mezz ieħor ta’ kif ninvestu f’din l-awtorità biex tkun aktar b’saħħitha, u fuq kollox l-awtorità mhux biss il-qafas, imma wkoll il-qasam tar-riżorsi u l-ħaddiema ta’ taħriġ tagħhom, imma kif ukoll fuq il-post tax-xogħol tagħhom.”