Il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri, laqa’ ftehim milħuq bejn is-sebgħa u għoxrin stat membru tal-Unjoni Ewropea fuq regoli ġodda li se jagħmlu l-proċess biex jiġu protetti disinji industrijali aktar mgħaġġel u orħos.
Waqt li kien qed jattendi l-Kunsill tal-Kompetittività tal-Ministri fi Brussell, taħt il-Presidenza Spanjola, il-Ministru Schembri tkellem dwar il-futur tas-suq waħdieni u rrefera għall-isfidi ta’ konnettività li tiffaċċja Malta bħala l-iżgħar stat membru u fil-periferija tal-Ewropa.
U jiem wara l-laqgħa riċenti tal-MED9 f’Malta, li ddiskutiet id-diġitalizzazzjoni u l-intelliġenza artifiċjali, il-Ministru Schembri appella lill-istati membri kollha biex jilqgħu t-trasformazzjoni diġitali li qed isseħħ, li għandha potenzjal enormi li ttejjeb il-ħajja taċ-ċittadini u n-negozji.
Hawnhekk semma l-importanza li jkunu stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-iżvilupp u l-użu responsabbli ta’ intelliġenza artifiċjali affidabbli fl-Unjoni Ewropea u biex din tipprovdi regoli ċari għall-iżviluppaturi tal-intelliġenza artifiċjali.