Ġew mħabbra linji gwida riveduti għall-bini ta’ krematorji standalone f’Malta u Għawdex.
Dawn ir-reviżjonijiet ,li ġew mħabbra mill-Awtorità tal-Ippjanar, huma intizi sabiex, fejn possibli, jkun hemm tnaqqis fl-użu tal-art.
Erba’ snin ilu, il-Parlament approva l-liġi mressqa mill-Gvern bil-għan li, għall-ewwel darba f’pajjiżna, il-proċess ta’ kremazzjoni jsir legalizzat u regolat permezz ta’ liġi li tirrispetta l-għażla personali tal-bniedem.
Wara li twettaq proċess ta’ konsultazzjoni pubblika f’Marzu ta’ din is-sena, l-Awtorità tal-Ippjanar, issa qed tressaq emendi proposti u reviżjonijiet tekniċi biex issaħħaħ il-politika tagħha ta’ Krematorji Standalone.
Il-linji gwida, li għadhom kif ġew varati, għandhom l-għan li jipprovdu direttivi aktar ċari, partikularment f’termini ta’ speċifikazzjoni ta’ żoni ta’ tfittxija fuq il-mappa pprovduta.
Oriġinarjament stabbilita għal 1.5km, din iż-żona ta’ tfittxija issa tnaqqset għal 1km miż-żoni urbani ewlenin, u b’hekk tillimita l-ammont ta’ art disponibbli għall-iżvilupp tal-krematorji u jimminimizza l-użu tal-art.
Intant, iż-żona tat-tfittxija f’Għawdex inżammet kif kienet.
Bidla oħra importanti mil-lat ambjentali issa tara l-inklużjoni ta’ kriterji aktar komprensivi dwar postijiet li mhumiex adattati għall-iżvilupp ta’ krematorji madwar il-gżejjer Maltin.
Dan inaqqas b’mod effettiv in-numru ta’ żoni potenzjali għal twaqqif ta’ krematorji, u fl-aħħar mill-aħħar jimmitiga l-impatt tal-użu tal-art.
L-ewwel abbozz imħabbar dwar din il-policy kien iddikjara li jekk krematorju jieqaf jopera, kull bidla fl-użu tal-art hija strettament ipprojbita sakemm ma tinvolvix ir-restawr tas-sit għal stat naturali ambjentalment aċċettabbli.
Fil-fatt, il-policy li għadha kif ġiet aġġornata tmur oltre minn dan hekk kif tistipula li jekk krematorju jibqa’ ma jintużax għal tliet snin konsekuttivi, ikun hemm l-obbligu li jitneħħew il-binjiet u l-istrutturi assoċjati kollha.
Dawk li jixtiequ jfittxu informazzjoni addizzjonali dwar din it-tema huma mistiedna iżuru il-din il-paġna fuq il-websajt tal-PA: www.pa.org.mt/consultation .
L-awtorità stiednet ukoll lil dawk interessati, sabiex jissottomettu rrappreżentazzjonijiet tagħhom dwar din l-aħħar verzjoni tal-policy.
Huma jistgħu jagħmlu dan billi jibgħatu is-sottomissjonijiet tagħhom bil-miktub lir-Planning Authority, jew permezz ta’ email fuq cemeteries.policy@pa.org.mt sas-6 ta’ Novembru 2023.