Sliema ħasdu lil Valletta meta għelbuhom bl-iskor minimu ta’ 1-0 bil-goal tant importanti għalihom jasal fit-tieni taqsima, eżattament fit-63 minuta minn Vuto Plut. Din kienet l-ewwel rebħa għall-Wanderers, u l-ewwel telfa għal Valletta f’dan l-istaġun.
Valletta għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mal-ftuħ tal-partita u wara biss żewġ minuti, resqu viċin li jiftħu l-iskor meta l-attakkant Sloven Luka Susnjara kellu x-xutt fil-baxx tiegħu salvat tajjeb mill-goalkeeper tal-Wanderers, Rashed Al Tumi.
Il-partita kompliet tiżvolġi b’ħafna logħob f’nofs il-ground fejn kien biss fl-44 minuta li ġiet innutata azzjoni denja ta’ nota oħra, b’Valletta jkunu dejjem huma li joholqu l-periklu meta Shaun Dimech għadda tajjeb lejn is-sostitut Brandon Paiber li kellu x-xutt tiegħu jintemm ftit barra.
Sliema resqu viċin li jmorru fil-vantaġġ fil-61 minuta meta Denis Kouao kellu x-xutt tiegħu minn qagħda ideali, devjat f’corner mid-difiża Beltija.
Iżda huma ma kellhom ikunu mċaħħda minuta biss wara meta skorjaw il-goal li kellu jkun dak tar-rebħa, permezz ta’ Vito Plut meta wara li rċieva minn cross pinġut ta’ Neil Frendo, permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża, tefa’ ġewwa.
U biex l-affarijiet ikomplu ġejjin ħażin għall-Beltin, huma spiċċaw jilagħbu b’10 players fil-81 minuta, meta tkeċċa għalihom is-sostitut Alfred Hamnjoda Silas, wara li rċieva żewġ karti sofor fil-partita, bil-player ikun ilu biss 21 minuta fil-ground.
Valletta bdew jagħmlu minn kollox biex iġibu l-iskor indaqs u seba’ minuti wara Shaun Dimech kellu f’saqajh il-goal tad-draw, iżda minn pożizzjoni ideali, tefa’ inkredibbilment għoli.
Sliema Wanderers komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Matthew De Gabriele
BOV Plejer tal-Logħba: Geoffrey Edwin Acheampong (Sliema W.)