Fl-iskeda l-ġdida tal-Ħarifa ta’ ONE se jirritorna l-programm ŻONASPORT bl-aħħar informazzjoni dwar dak kollu li jirrigwardja l-isport lokali.
Din se tkun l-għoxrin edizzjoni ta’ dan il-programm sportiv li minn dejjem kien fuq quddiem sabiex jagħti spazju lill-atleti u assoċjazzjonijiet sportivi maltin.
Ta’ kull ġimgħa l-programm se jlaqqa’ lit-telespettaturi ma’ dawk l-atleti u timijiet li jkunu spikkaw fid-dixxiplina sportiva tagħhom.
Atleti li jaħdmu ħafna bil-għan li jtejjbu r-riżultati u l-prestazzjonijiet tagħhom, b’mod speċjali fix-xena internazzjonali.
Dan kollu jitwassal permezz ta’ intervisti mill-istudio flimkien ma’ filmati tal-avvenimenti sportivi ewlenin fix-xena lokali.
Il-programm għandu produzzjoni u preżentazzjoni ta’ Mario Bonnici. Il-filmati huma ta’ Evan Abela filwaqt li l-muntaġġ hu f’idejn Jason Parnis u Jeremy Gerada.
ŻONASPORT jixxandar kull nhar ta’ Ħamis fil-17.35 fuq ONE, bl-ewwel programm se jkun il-Ħamis 5 ta’ Ottubru.