Il-Ħadd waranofsinhar, bħala parti mill-Ġimgħa Ewropea tal-Isport, fil-Marsa Sports Ground, ġie organizzat villaġġ sportiv b’aktar minn 20 dixxiplini sportivi differenti.
Dan l-avveniment prinċipali wara ġimgħa ta’ sport, kellu l-għan li l-organizzazzjonijiet sportivi jkollhom l-opportunità li juru l-isport tagħhom u li joffru opportunità lill-viżitaturi biex jieħdu sehem fl-attività u jipprattikaw aktar l-isport u forsi jittħajru jibdew xi sport ġdid.
B’inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea, il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport, issir kull sena u tipprova tħeġġeġ lin-nies mifruxa fuq 40 pajjjiż mill-Istati kollha tal-Unjoni Ewropea u lil hinn biex jagħmlu xi tip ta’ attività fiżika speċjalment meta l-istatistika turi li numru sostanzjali ta’ persuni madwar l-Ewropa, inkluż f’pajjiżna stess, ma jgħixux ħajja bilanċjata li fiha jdaħħlu l-element importanti ta’ sport u l-eżerċizzju fiżiku.
Il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport ta’ din is-sena qed tiffoka fuq diversi temi, fosthom l-iskejjel, postijiet tax-xogħol, ċentri tal-fitness, organizzazzjonijiet sportivi u l-komunità inġenerali.
Dawn l-avvenimenti bdew is-Sibt, 23 ta’ Settembru, u għandhom sas-Sibt, 30 ta’ Settembru.