Tyler Camilleri ta’ 24 sena nżamm arrestat wara li ġie mixli li ħebb għas-sieħba tiegħu u żammha kontra l-volontà tagħha wara li ralha messaġġ imħassar minn Facebook.
Il-Ħadd filgħodu l-Qorti fetħet b’urġenza biex tisma’ dan il-każ fejn il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Audrey Micallef, spjegat kif allegatament il-Ġimgħa nqala’ argument bejn koppja li jinvolvi messaġġ fuq Facebook. Allegatament Camilleri beda jsaqsi lis-sieħba tiegħu biex turih dan l-messaġġ li kien imħassar.
Sadanittant, il-mara li isimha ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, ippruvat tispejgalu li l-messaġġ kien mingħand ħabib tagħha però qaltlu li ma kellhom l-ebda intenzjonijiet ħżiena. Iżda l-affarijiet eskalaw u b’konsegwenza ta’ hekk il-mara sofriet ġrieħi ħfief wara li allegatment ġiet imsawwta f’wiċċha u rasha.
Waqt l-argument ir-raġel allegatament sakkarha għal ftit sigħat fid-dar tagħhom stess fiż-Żejtun però l-mara rnexxielha ċċempel lil ommha u ġiet għaliha.
Ftit wara l-mara marret iċ-ċentru tas-saħħa ta’ Raħal Ġdid, u hemm reġa’ tfaċċa Camilleri fejn qalilhom li hu ħuha. Dak il-ħin ommha merithom u qaltilhom li bintha ma kellhiex ħutha.
Camilleri ġie akkużat ukoll li kiser kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u li hu riċediv.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba tal-ħelsien mill-arrest wara li spjegat li l-imputat għandu fedina penali kkulurita u qalet li ma jistax jiġi fdat. Ġie spjegat ukoll li l-vittma għad trid tixhed.
Id-Difiża mmexxija mill-avukati Franco Debono u Marion Camilleri spjegat li l-akkużat ukoll sofra diversi feriti kkawżati minn sikkina, waqt l-istess argument mas-sieħba tiegħu.
Wara li semgħat is-sottomisjonijiet, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Dr Gianella Camilleri Busuttil, ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien u żammet lil Camilleri arrestat. Madanakollu, ordnat lill-prosekuzzjoni biex iressqu lix-xhieda tagħhom fis-seduta li jmiss.