Permezz ta’ wirja konvinċenti, Floriana, kisbu rebħa meritata ta’ 2-0 fuq Birkirkara, biż-żewġ goals għalihom jaslu fil-bidu u lejn it-tmiem tat-tieni taqsima.
Kienu Birkirkara li ħolqu l-ewwel periklu wara biss żewġ minuti meta xutt ta’ Adailton, ġie mdawwar f’corner minn mal-art mill-goalkeeper Bulgaru ta’ Floriana, Georgi Kitanov.
Il-Greens wieġbu minuta biss wara mill-azzjoni li segwiet fuq in-naħa l-oħra tal-pitch meta xutt ta’ Kemar Reid ġie salvat minn mal-art mill-goalkeeper Pollak tal-Istripes, Marcel Zapytowski.
L-Istripes reġgħu ħolqu l-periklu fil-11-il minuta meta xutt ta’ Adailton minn pożizzjoni ideali intemm barra.
Dan sabiex minuta biss wara Lorenzo de Grazia għal Floriana xeħet cross lejn Kyrian Nwoko li kellu t-tentattiv tiegħu mdawwar f’corner minn Zapytowski.
Kienu Birkirkara li mill-ġdid ħolqu periklu mal-kwarta logħob meta cross-shot insidjuż ta’ Alex Satariano ġie salvat mingħajr diffikultá minn Kitanov.
Huma komplew jippressaw u ħames minuti wara, in-neo-akkwist Ali Diakite minn qagħda ideali tefa’ l-ballun fix-xibka iżda pront kien ir-referee Fyodor Zammit u ħassar il-goal minħabba offside.
Iżda kienu Floriana l-aktar li resqu viċin li jiftħu l-iskor fil-31 minuta meta Kemar Reid kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu minn taħt il-lasta salvata bi bravura minn Zapytowski, biex salva goal ċert.
Birkirkara rrispondew fil-35 minuta permezz ta’ freekick ta’ Maxuell Maia li ġie salvat mingħajr wsiq diffikultá minn Kitanov.
Fit-42 minuta Floriana reġgħu resqu viċin li jmorru fil-vantaġġ meta minn cross ta’ Adam Magri Overend, il-ballun spiċċa għand Mattia Veselji li kellu x-xutt tiegħu imblukkat minn Zapytowski, biex mir-reboud Maksim Valadzko reġa’ impenja lil Zapytowski li reġa’ salva bi bravura.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Floriana, ħarġu fem aggressivi u ta’ dan ġew ippremjati meta fil-51 minuta fethu l-iskor meta Mattia Veselji kompla lejn Kemar Reid li kellu x-xutt mill-ewwel tiegħu jintemm fix-xibka, bil-ballun jaħbat ma’ Kurt Zammit, qabel intemm ġewwa.
Huma komplew fuq l-offensiva u fis-67 minuta, Jose Ulises Arias xeħet cross lejn Kyrian Nwokoli iżda rriżulta li kien twil wisq għalih, bil-ballun jintemm barra.
Birkirkara wieġbu fil-81 minuta, meta wara li rċieva minn freekick ta’ Marko Durisic, il-captain Yannick Yankam kellu daqqa ta’ ras ċentrali salvata mingħajr wisq diffikultá minn Kitanov.
Il-Greens rebħu penalty żewġ minuti biss wara meta Jovan Pajovic waqqa’ lil Matheus De Sousa fil-kaxxa. Mill-11-il meru, inkariga ruħu Jose Ulises Arias li ma żbaljax hekk kif permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.
Fid-89 minuta, Floriana, kellhom f’saqajhom il-ballun tat-tielet goal meta l-player mill-Belarus, Maksim Valadzko, kellu x-xutt fil-baxx dijagonali tiegħu jintemm ftit barra.
Referee: Fyodor Zammit
BOV Plejer tal-Logħhba: Marcel Zaptowski (Birkirkara)