Fl-aħħar xhur, waqt SkolaSajf, mija u tnejn u sebgħin tifel u tifla li twieldu fl-elfejn u tmintax, sarulhom testijiet ta’ screening b’xejn f’għajnejhom, bħala parti minn proġett pilota li tmexxa mid-Dipartiment tal-Kura Primarja.
Dan il-proġett sar f’ħames ċentri li jkopru nħawi differenti fil-pajjiż – fil-Qawra, f’Birkirkara, f’San Ġwann, fil-Fgura u fiż-Żejtun, bil-għan li ċertu kundizzjonijiet fl-għajnejn li jistgħu jikkumplikaw ruħhom maż-żmien, jiġu evitati.
L-Entity Lead tal-Allied Health Services tal-Kura Primarja, Roberta Galea, spjegatilna kif wara li sar kuntatt mal-amministrazzjoni ta’ SkolaSajf, ġie deċiż li dan il-proġett pilota jsir mat-tfal imwielda fl-elfejn u tmintax.
“Dik l-età hija meta t-tfal ikunu jistgħu joqogħdu bilqiegħda u jkunu jistgħu jsegwu ċertu struzzjonijiet kif suppost mingħajr ħafna input ta’ xi ħadd adult, u għalhekk ikun iktar faċli li jsiru dawn it-testijiet. It-testijiet jużaw kemm il-kitba kif ukoll l-istampi, allura t-testijiet huma adattati biex it-tfal li jkunu jafu jaqraw l-ittri, jidentifikaw l-ittri mentri dawk li jkunu jafu jidentifikaw l-istampi, jużaw lilhom biex ikunu jistgħu jipparteċipaw f’dan it-test.”
L-iscreening fl-għajnejn mhux invażiv, fejn mhux biss ġiet iċċekkjata l-vista tat-tfal, iżda anki kundizzjonijiet oħra li seta’ kellhom f’għajnejhom.
“Ir-role tal-orthoptist hija li tispeċjalizza fuq kundizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-movimenti tal-għajnejn. Jista’ jkun hemm diffikultajiet li għandhom x’jaqsmu mal-muskoli jew man-nervituri, u allura huma ċċekkjaw jekk hemmx dawn il-kundizzjonijiet fl-iscreening li sar fl-iskejjel, u minn hemm, fejn irriżulta li kien hemm xi kundizzjoni preżenti, il-ġenituri ġew innotifikati skont ir-riżultati tat-testijiet li saru dak il-ħin.”
Fil-fatt, mill-mija u tnejn u sebgħin test li saru, disgħa u għoxrin tifel u tifla rriżulta li kellhom bżonn testijiet ulterjuri.
“L-orthoptists kitbu nota għal kull tifel u tifla skont ir-riżultat. Apparti li nkitbet din in-nota, għal min instab li kellu diffikultà, in-nota ġiet segwita b’telefonata ħalli l-ġenitur mhux jirċievi karta d-dar u jgħid għandu diffikultà u ma nafx eżatt, anzi ċempilna lil kull ġenitur biex nispjegaw eżatt x’kienet id-diffikultà. Mhux ħa jmorru servizz fil-privat, imma professjonisti mill-Kura Primarja stess jerġgħu jagħtuhom appuntament biex jiġu followed up skont il-bżonnijiet tagħhom.”
Il-pjan hu li dan il-proġett jiġi estiż, mhux biss fi SkolaSajf imma tul is-sena akkademika fl-iskejjel tal-istat u tal-knisja kollha.
Dan biex minn ta’ età żgħira, it-tfal ikunu jafu b’xi kundizzjonijiet li jista’ jkun li jkollhom u jevitaw milli dawn jikkumplikaw ruħhom fil-futur.
“Importanti li meta l-ġenituri jirċievu dawn l-istediniet biex it-tfal jipparteċipaw, jaċċettaw u jattendu bi ħġarhom ħalli ovvjament, nevitaw diffikultajiet.”