L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia, fetaħ uffiċjalment “Wirja dwar il-Kumitat Paralimpiku Malti fil-Parlament ta’ Malta”.
F’diskors tal-okkażjoni, l-Ispeaker appella lill-awtoritajiet konċernati li huma għandhom dejjem jibqgħu qrib dawk kollha li huma impenjati f’dan il-qasam biex ħutna u wlied Malta tagħna, persuni b’diżabilità, ikomplu jirċievu kull għajnuna li jeħtieġu biex jgħixu ħajja b’dinjità.
L-Ispeaker faħħar il-programm edukattiv “I’m POSSIBLE”intiż biex joħloq l-ambjent ideali biex persuni b’diżabilità iħossuhom milqugħa minn sħabhom u persuni oħra, bil-għan li dawn il-persuni jingħataw l-għajnuna sabiex jaslu biex jagħtu l-kontribut tagħhom fl-iżvilupp ta’ pajjiżhom.
Il-konferenza kienet ndirizzata wkoll mill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport u x-Xandir Nazzjonali Graham Bencini, u l-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Graziella Galea.
Il-pubbliku hu mistieden iżur din il-wirja fil-Parlament ta’ Malta sas-Sibt, 30 ta’ Settembru 2023, matul il-ġimgħa (mit-Tnejn sal-Ġimgħa) bejn id-9.00 ta’ filgħodu u s-6.00 ta’ filgħaxija, u festi pubbliċi, Sibtijiet u Ħdud bejn id-9.00 ta’ filgħodu u nofsinhar.