Filwaqt li nhar it-Tnejn, 25 ta’ Settembru, jidħlu fuq il-post tax-xogħol tagħhom 7,712-il edukatur fl-iskejjel tal-Istat, l-Erbgħa, 27 ta’ Settembru jidħlu wkoll biex jibdew sena skolastika ġdida 28,757 student u studenta mifruxa mill-ewwel sena tal-Primarja sal-ħdax-il sena tas-Sekondarja. 5,942 student fil-livell ta’ Kindergarten jibdew is-sena skolastika tagħhom fit-2 ta’ Ottubru. B’hekk meta l-istudenti kollha jkunu daħlu lura fuq il-bankijiet tal-iskola, jkunu daħlu total ta’ 34,699 student u studenta fl-iskejjel tal-Istat.
Is-sena skolastika ġdida se tibda wara sajf sħiħ ta’ preparamenti li jvarjaw minn dawk amministrattivi u akkademiċi sa proġetti infrastrutturali u diġitali. Filwaqt li għal din is-sena skolastika ġew impjegati 275 professjonist ġdid bejn edukaturi, KGE u LSEs, kienu mġedda wkoll 566 kuntratt ta’ professjonisti oħrajn.
Matul din is-sena skolastika se jkun hemm 2,410 rotta ta’ trasport b’xejn tal-iskejjel, li minnhom 925 huma għal studenti tal-iskejjel tal-Istat. Total ta’ 32,833 student u studenta mil-livell ta’ Kindergarten sas-Sekondarja (13,774 tal-Istat u 19,059 tal-Knisja u Indipendenti) se jgawdu minn dan is-servizz.
Matul is-sajf tlestew 12-il proġett maġġuri ta’ infrastruttura edukattiva mill-Fondazzjoni Għall-Iskejjel ta’ Għada b’investiment ta’ €20 miljun filwaqt li hemm 4 proġetti oħrajn li se jkompli għaddej ix-xogħol fuqhom b’investiment ta’ €53 miljun, total ta’ investiment fl-infrastruttura edukattiva ta’ €73 miljun. Dawn huma apparti minn investiment ta’ miljun ewro fuq 514 proġett ieħor ta’ manutenzjoni li sar matul is-sajf mill-ħaddiema tal-Ministeru.
Matul l-aħħar xhur kien hemm ukoll ħidma kbira għaddejja mit-tim tal-Information Management Unit fis-settur tal-infrastruttura diġitali li waslet għat-tlestija ta’ 57 proġett, fosthom it-tpoġġija ta’ Interactive Flat Panels, titjib fl-istruttura diġitali u xogħol ta’ ħolqien ta’ sistemi kompjuterizzati li minnhom se jgawdu kemm l-edukaturi u wkoll l-istudenti.
“Eżatt ma’ tmiem is-sena skolastika li għaddiet bdiet ħidma intensiva biex nippreparaw għas-sena skolastika li se tibda min-nhar it-Tnejn 27 ta’ Settembru. Ħidma li wasslet biex niżguraw li dak kollu meħtieġ, kemm jekk akkademiku, kemm jekk xogħol infrastrutturali u wkoll xogħol amministrattiv, iwassal għal ftuħ ta’ sena oħra akkademika b’dak kollu meħtieġ kemm għall-edukaturi u wkoll għall-istudenti,” qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.
Il-Ministru Clifton Grima spjega li kien hemm eżerċizzju kbir biex ikun żgurat li l-klassijiet fis-snin kollha tal-iskejjel tal-Istat ikollhom l-edukatur tagħhom fis-suġġetti kollha, filwaqt li xogħol massiv ieħor kien jikkonċentra fuq l-ambjent edukattiv li fih se jqattgħu x-xhur li ġejjin l-edukaturi u l-istudenti. “Dan ma kienx biss xogħol infrastrutturali, imma wkoll xogħol fis-settur diġitali u teknoloġiku biex dejjem inkomplu ntejbu l-esperjenza edukattiva. Nawgura mhux biss lill-edukaturi u lill-ħaddiema amministrattivi fl-iskejjel kollha, filwaqt li nirringrazzjahom tal-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom għall-ġid ta’ uliedna, imma wkoll nawgura lill-istudenti kollha li se jibdew sena skolastika oħra li fl-aħħar mill-aħħar għandha l-għan li tagħtihom l-opportunitajiet kollha possibbli biex jilħqu l-aspirazzjonijiet individwali ta’ kull wieħed u waħda minnhom,” qal il-ministru.