Il-Gvern nieda sit elettroniku ġdid bl-isem ta’ AdoptAPet li se jagħmel aktar faċli l-proċess ta’ adozzjoni tal-annimali mis-santwarji f’Malta u f’Għawdex. Dan is-sit se jiffaċilita l-proċess kemm għal min jadotta kif ukoll għas-santwarji f’pajjiżna, li jospita diversi annimali.
Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, fil-preżenza tal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali, Alison Bezzina.
AdoptAPet se jagħti lok lil kull min hu interessat li jadotta annimal biex jagħmel ir-riċerka u jibda l-proċess f’din il-pjattaforma ċentrali. Dan is-sit se jiġbor u jesebixxi l-informazzjoni relatata mal-annimali kollha li bħalissa qegħdin fis-santwarji, fosthom ritratti, l-età, l-isem u t-tip ta’ annimal.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said, spjegat kif permezz ta’ diversi proġetti infrastrutturali u edukattivi, il-Gvern qed ikompli jinkoraġġixxi ktar familji biex jagħmlu dan il-pass sabiħ, fejn dawk interessati biex jaddottaw ikunu jistgħu jagħmlu dan bi proċess simplifikat.
Sadanittant, il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali spjegat li din il-websajt hi maħsuba biex tibda u tagħmel aktar faċli l-ewwel stadju tal-proċess tal-adozzjoni, iżda se jkunu s-santwarji li jibqgħu jieħdu ħsieb li l-annimali adottati jkunu addattati għall-familja.
Persuna li tixtieq tadotta annimal tista’ żżur is-sit diġitali u ssegwi l-proċess sempliċi biex minn hemm ukoll abbli ssib imħabba ġdida f’ħajjitha.