F’għeluq l-għaxar snin anniversarju mill-ftuħ tas-Safi Aviation Park, li wkoll bħalissa qed iservi ta’ bażi għall-Malta International Airshow, il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, Silvio Schembri, qal li dan hu xhieda tas-suċċess li kisbet l-industrija tal-avjazzjoni f’pajjiżna, f’dawn l-aħħar għaxar snin.
Is-Safi Aviation Park jkopri 200,000 metru kwadru, u jipprovdi l-infrastruttura biex jiffaċilità l-ħolqien ta’ cluser tal-avjazzjoni, u jservi bħala one-stop-shop.
Dan anke fid-dawl tal-opportunitajiet li dan is-settur qed joffri għaż-żgħażagħ.
Il-qasam tal-avjazzjoni f’pajjiżna llum jinkludi diversi setturi fosthom, ir-reġistrazzjoni u operazzjonijiet tal-ajruplani, il-kumpaniji li jagħmlu manutenzjoni u tiswijiet fuq ajruplani, l-immaniġġjar tal-ajruplani u VIP Services, private charters, air taxis, air ambulances, titjiriet u taħriġ ieħor, kif ukoll proġetti ta’ riċerka u żvilupp.
Safi Aviation Park huwa l-fornitur ta’ Medavia, Gulfmed, Brittan Normand u Aviation Cosmetics.
Il-ħidma ta’ INDIS Malta, li taħtha jaqa’ s-Safi Aviation Park, inkludiet il-bini mill-ġdid tat-taxiways.
Fl-2016 inbniet mill-ġdid Taxiway Bravo, biex tkun tista’ tilqa’ fiha l-Airbus A380, l-akbar ajruplan tal-passiġġieri.
Dan filwaqt li fl-2018 ġew inawgurati tliet hangars li żdiedu ma’ Taxiway Golf biex bdew jilqgħu għall-bżonnijiet ta’ helicopters, private jets, u ajruplani ta’ emerġenza.
Aktar kmieni din is-sena ġiet inawgurata it-Taxiway Lima, biex tkun tista’ takkomoda ajruplani akbar li jkunu jistgħu jinżlu f’pajjiżna għall-manutenzjoni u tiswija.
Il-Ministru Silvio Schembri rringrazzja lill-INDIS Malta għall-ħidma kontinwa tagħha, li jkunu ta’ spalla għas-settur privat f’dan il-qasam u jipprovdu infrastruttura ta’ eċċellenza.