Jumejn wara li l-Uffiċċju tal-President ħabbar li se jinħatru tliet imħallfin ġodda, il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, ħabbar li se toħroġ sejħa oħra, din id-darba għal ħames maġistrati ġodda.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Ministeru għall-Ġustizzja, ġie spjegat li din is-sejħa qed issir biex issir ġustizzja aktar effiċjenti kif ukoll wara li waħda minn dawk li saru mħallfin, hi proprju maġistrata.
B’din iż-żieda, il-Prim Imħallef se jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu li jassenja l-erba’ maġistrati ġodda biex ikunu ffokati biss fuq l-inkjesti maġisterjali.
Hu fakkar li Malta bħalissa għandha ’l fuq minn elf u seba’ mitt inkjesta maġisterjali pendenti u l-Gvern irid jindirizza din il-problema darba għal dejjem.
Il-Ministru għall-Ġustizzja qal li b’hekk se tiżdied l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja. Dr Attard saħaq li din iż-żieda fil-ġudikatura hi prova ċara ta’ kemm il-Gvern hu kommess li jinvesti fil-qasam ta
Qal, “Ħa jkollna din iż-żieda fil-korp tal-ġudikatura li tippermettilna nibdew inwettqu wkoll l-impenn tagħna li naraw li jkollna maġistrati ffokati fuq l-inkjesti maġisterjali. Din se tkun qed tippermettilna nħarsu lejn inkjesti pendenti li akkumulaw matul is-snin u naraw li jibda proċess ta’ konsultazzjoni pubblika fuq riforma aktar ħolistika f’dak li għandu x’jaqsam mal-inkjesti.”
Fl-istess konferenza, il-Ministru Attard fakkar ukoll fir-rakkomandazzjonijiet li kien għamel il-Prim Imħallef Mark Chetcuti waqt il-bidu tas-sena forensi.
Hu spjega li l-Gvern jinsab fi djalogu kontinwu mal-Prim Imħallef u żied jgħid li l-maġġoranza assoluta tal-kwistjonijiet li kienu tqajmu s-sena l-oħra ġew indirizzati.
Hawn il-Ministru qal li, minbarra l-uffiċini ġodda għall-ġudikatura, żdiedu awli ġodda kif ukoll qed tinbena awla ġdida li hi ddedikata għall-ġurijiet.
Qal, “Kien hemm appell għal dak li għandu x’jaqsam ma’ infrastruttura li għaddej xogħol b’ritmu tajjeb ħafna f’dan ir-rigward u anke f’dak li għandu x’jaqsam mat-tibdil leġiżlattiv li kif nafu fil-Parlament tressaq diversi riformi leġiżlattivi li wieħed jittama li fiż-żmien li ġej jibdew jagħmlu differenza.”