European Athletics organizzat il-ħames edizzjoni tal-Konferenza dwar it-Teknoloġija fl-Atletika magħrufa bħala AthTech f’Malta, fejn atleti, esperti tat-teknoloġija u professjonisti oħra ngħaqdu flimkien f’diskussjoni dwar kif id-dejta u t-teknoloġija jistgħu jintużaw biex joffru esperjenzi aħjar għall-atleti kif ukoll dawk li jsegwu dan l-isport.
L-għażla ta’ Malta biex tilqa’ dan l-avveniment internazzjonali stabbilit jirrifletti u jsaħħaħ ir-relazzjoni b’saħħitha bejn Athletics Malta u l-federazzjoni Ewropea, u apprezzament tal-passi kbar li għamlet l-atletika Maltija fl-aħħar snin, inkluż bl-organizzazzjoni, b’suċċess ta’ avvenimenti kbar bħal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa aktar kmieni din is-sena u l-Kampjonati Ewropej tal-Atletika tal-Pajjiżi ż-Żgħar fl-2002.
Waqt din il-konferenza, madwar mitt parteċipant, fosthom membri mill-assoċjazzjonijiet Ewropej tal-atletika differenti, organizzaturi ta’ kompetizzjonijiet u fornituri ta’ servizzi marbuta mal-isport, ingħaqdu flimkien biex jiddiskutu titjib fl-isport grazzi għall-benefiċċji tad-diġitalizzazzjoni.
Fost is-suġġestti diskussi, id-delegati kkunsidraw l-użu ta’ awtomatizzazzjoni u innovazzjoni fl-isport, u kif dan jista’ jtejjeb il-parteċipazzjoni, l-esperjenza u anke l-produzzjoni ta’ statistika.
Fost l-aktar diskussjonijiet li ħarsu ‘l quddiem, dawk preżenti esprimew l-opinjonijiet tagħhom dwar jekk l-intelliġenza artifiċjali tistax tieħu post l-uffiċjali waqt avvenimenti kompetittivi. Ġew diskussjoni wkoll soluzzjonijijiet biex jikbar l-għarfien dwar l-isport u titjib l-esperjenza u l-involviment ta’ dawk li jsegwuh, partikolarment permezz ta’ streaming tal-avvenimenti.