“Mhemmx manifattura mingħajr riċerka, u mhemmx riċerka mingħajr manifattura”, dan qalu is-Segreatarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti waqt żjara li għamel fil-kwartieri ġenerali tal-kumpanija internazzjonali Toly Products Ltd, fiż-Żejtun.
Hu ltaqa’ mat-tmexxija tal-kumpanija, is-Segretarju Parlamentari seta’ jsegwi ċ-ċentru innovattiv biex isiru l-proċessi tal-prodotti tagħhom mill-bidu nett, billi jikkrejaw disinn u materjal skont l-eżiġenzi tal-klijenti tagħhom.
“Din hija storja ta’ suċċess fejn persuni raw il-potenzjal f’pajjiżna u investew bis-sħiħ fl-industrija tagħna, biex illum irnexxielhom jiksbu dan ir-riżultat. Il-kumpanija Toly Products Ltd hija eżempju ċar imprenditorjali li wieħed għandu jsegwi sabiex ikabbar l-operat u l-fatturat tiegħu,” qal Azzopardi Tanti.
F’diskors qasir quddiem l-impjegati tal-kumpanija, is-Segretarju Parlamentari stqarr li għalkemm f’dawn l-aħħar snin id-dinja bdiet tiffaċċja sfdi kbar, kumpaniji kbar bħal Toly Products Ltd irnexxielhom jibqgħu għaddejjin bl-operat tagħhom għaliex skoprew opportunitajiet ġodda biex iwasslu l-prodotti tagħhom, grazzi għat-teknoloġija u l-innovazzjoni. Dan kollu seta’ jsir biss permezz tax-xogħol tal-ħaddiema nfushom li jagħtu ħinhom u saħħithom biex l-operat jibqa’ għaddej.
“Bħalissa d-dinja għaddejja mir-raba’ rivoluzzjoni industrijali fejn bl-avvanzi fit-teknoloġija qegħdin naraw bidla kemmxejn radikali fil-rpoduzzjoni u l-manifattura. Minbarra dan, kellna wkoll diversi sfidi bħall-pandemija tal-Covid-19 u anki l-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna. Din il-kumpanija rat kif tibqa’ topera billi tiftaħ ċentru innovattiv u anki sala tax-xandir ġewwa s-sit tagħhom, biex b’hekk twassal il-prodotti tagħha dirett għand il-klijenti lokali u internazzjonali tagħha,” żied jgħid is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti.
Huwa għalaq billi wiegħed l-appoġġ kollu tal-gvern sabiex is-settur industrijali jibqa’ miexi ‘l quddiem, jiġġenera aktar impjiegi, u anki jkattar l-ekonomija mhux biss tiegħu, iżda wkoll tal-pajjiż.
Il-Kap Eżekuttiv u Chairman tal-kumpanija Toly Products Ltd, Andy Gatesy, wera s-sodisfazzjon tiegħu fiż-żjara tas-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti u stqarr kemm dan juri li l-gvern għandu għal qalbu l-industrija privata.
“Missieri kellu viżjoni ċara meta ġie hawn Malta u fetaħ l-ewwel fabbrika ta’ Toly Products Ltd. Illum kbirna u komplejna nespandu fis-settur tas-sbuħija, mhux biss f’Malta iżda globalment b’aktar minn 200 kumpanija. Malta baqgħet il-kwartieri ġenerali tagħna u rnexxielna niftħu ċentru innovattiv biex inkomplu nkunu proattivi fis-settur. Iżda l-operat tagħna għandu firxa aktar wiesa f’pajjiżi bħall-Amerka, iċ-Ċina, u l-Korea fost oħra,” qal Andy Gatesy.
Huwa żied jgħid li l-kumpanija trid tkompli tevolvi u tikber anki permezz tal-isfidi kbar li d-dinja qiegħda tesperjenza, fosthom it-tibdil fil-klima. Gatesy qal li, “Il-liġijiet il-ġodda tal-Unjoni Ewropea dwar il-manifattura jkomplu jpoġġulna quddiemna sfidi li rridu nbiddlu f’opportunitajiet biex inkunu aktar kreattivi u noħolqu aktar prodotti li huma sostenibbli għal preservazzjoni akbar tal-ambjent.”
Andy Gatesy kkonkluda billi qal li l-kumpanija Toly Products Ltd għandha proġetti kbar ippjanati għall-futur, fosthom li tiftaħ maħżen ikbar biex b’hekk tkun tista’ taqdi aħjar lill-klijenti tagħha u tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fis-suq internazzjonali.