Il-Prim Ministru Robert Abela rriafferma li l-valuri tad-djalogu, il-koperazzjoni u l-multilateraliżmu huma importanti favur il-paċi fid-dinja, waqt li jindirizzaw l-isfidi internazzjonali preżenti.
Dr Abela tenna dan meta kien qed jindirizza l-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, fi New York, fl-Istati Uniti tal-Amerka.
Robert Abela sostna li dan il-multilateraliżmu jrid ikun hemm fil-qalba tiegħu l-Ġnus Magħquda.
Waqt li sostna li tali prinċipji jindirizzaw l-isfidi internazzjonali, ikkundanna l-invażjoni Russa fl-Ukrajna. Hawnhekk Robert Abela tenna li l-Ukrajna għandha tkun indipendenti u sovrana u appella biex il-forzi Russi jirtiraw minn dan il-pajjiż.
Fil-Kunsill tas-Sigurtà, Dr Abela saħaq li qed ngħixu f’dinja fejn il-konflitti qed jiżdiedu, waqt li l-isfida tat-tibdil fil-klima qed tgħolli rasha. Ma’ dawn hemm ukoll id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem li jinsabu taħt attakk.
Il-Prim Ministru sostna li mhux aċċettabbli li minħabba l-Gwerra fl-Ukrajna qed twassal biex tkun attakkata l-provvista bażika tal-ikel.
Hawnhekk hu semma wkoll kif eluf ta’ persuni diġà tilfu ħajjithom minħabba l-Gwerra fil-Lvant tal-Ewropa.
Dan kien l-ewwel diskors tal-Prim Ministru fil-Kunsill tas-Sigurtà, kemm pajjiżna ilu b’wieħed mill-ħmistax-il siġġu mill-bidu ta’ din is-sena.
Il-Prim Ministru Malti appella biex ikun hemm aktar riformi fil-Kunsill tas-Sigurtà ħalli dan ikun aktar rappreżentattiv u demokratiku.
Preżenti għal din il-laqgħa, li fiha attendew mexxejja dinjin, fosthom il-President Ukren, Volodymr Zelensky, kien hemm il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg u r-Rappreżentanta Permenanti ta’ Malta għall-Ġnus Maqgħuda, Vanessa Frazier.