Għal staġun ieħor reġa’ magħna Spazju Kreattiv, li se jibni fuq il-pilastri strateġiċi tal-eċċellenza artistika, l-impenn komunitarju u l-internazzjonalizzazzjoni.
Il-programm għas-sena 2023 u 2024 għandu aktar minn 520 avveniment, li jinkludu 15-il forma kreattiva differenti, kollha mogħtija l-ħajja minn aktar minn 350 artist kollaboratur.
F’dan l-istaġun, il-programm hu mfassal b’mod maħsub biex jilqa’ lil kull ġenerazzjoni u jiżgura li kull anzjan bl-esperjenza tal-ħajja u kull adult żagħżugħ mimli enerġija, isibu posthom fuq il-mejda tal-kreattività. Għat-tfal, hemm wirjiet u attivitajiet li fihom il-varjetà li joffri l-istaġun ta’ ŻiguŻajg.
Minbarra hekk, permezz tal-fergħa Artists-in-Residency, artisti internazzjonali se jkunu qed jikkollaboraw ma’ komunitajiet lokali minn madwar Malta u Għawdex, u joħolqu konnessjoni kulturali li jintlaqgħu lil hinn minn xtutna.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Kreattività, Rupert Cefai, enfasizza l-importanza u d-dedikazzjoni biex bihom jiġu pprovduti opportunitajiet u appoġġ sod.
Id-Direttur Artistiku Daniel Azzopardi spjega kif Spazju Kreattiv baqa’ l-promotur ewlieni tad-dibattiti inklussivi u d-differenzi kreattivi u soċjali konvinċenti.
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, enfasizza li l-kultura għandha rwol fundamentali fit-tiswir tal-identità ta’ pajjiż u ħafna drabi titqies bħala r-ruħ tas-soċjetà. Hu enfasizza li bil-promozzjoni tat-talent lokali u l-espressjonijiet kulturali, jitrawwem sens profond ta’ appartenenza.
Qal“B’kollox għandna aktar minn 520 avveniment magħmulin minn sferi kulturali differenti li huma, fil-verità, mhux biss ritratt ta’ dak li għandna bħalissa fil-kamp kulturali, imma wkoll investiment fl-artisti nfushom. Aħna se nkomplu nagħtu opportunità lis-settur kreattiv biex pajjiżna jkompli jimxi ’l quddiem.”
Għal aktar informazzjoni wieħed jista żur is-sit www.kreattivita.org.