Hekk kif fi ftit ġranet oħra, se tibda sena skolastika ġdida, Malta Public Transport qed tħabbar li studenti li jridu japplikaw għal Tallinja Card tal-istudenti, jistgħu jagħmlu dan b’xejn, għal żmien stipulat.
Dan minflok iħallsu miżata ta’ €15.
Il-perjodu stipulat jibda minn Settembru u jibqa’ għaddej sat-30 ta’ Novembru, 2023.
Din l-offerta hi miftuħa għall-istudenti kollha full-time irreġistrati f’kors f’Malta jew Għawdex.
Biex jikkwalifikaw għall-offerta, l-istudenti jridu jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom permezz tal-websajt ta’ Malta
Public Transport matul il-perjodu ta’ promozzjoni.
Importanti li wieħed jinnota li filwaqt li qed titneħħa l-miżata tal-applikazzjoni, hemm ħlas nominali tal-posta ta’ €2.87 li l-istudenti jridu jkopru.
Studenti li għandhom 16-il sena ‘l fuq huma meħtieġa jipprovdu prova li huma studenti.
Permezz tal-Student Tallinja Card l-istudenti jistgħu jgawdu wkoll minn rati ta’ vjaġġar skontati fuq servizzi oħra ta’ mobilità bħal rotot diretti, servizzi on-demand, Valletta Ferry Services u kiri ta’ Tallinja Bike.
Għal aktar tagħrif dwar din l-offerta speċjali, fosthom it-termini u l-kundizzjonijiet, l-applikanti prospettivi huma mħeġġa jżuru s-sit: publictransport.com.mt.