Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni qiegħed jinvesti fl-iskejjel, permezz ta’ ħidma fuq proġetti ta’ grawnds sportivi fl-iskejjel. Dan kollu qed isir bil-għan li tittejjeb l-infrastruttura sportiva fl-iskejjel tal-Istat għal skopijiet ta’ rikreazzjoni u biex jitjieb il-livell ta’ edukazzjoni simili.
Dan l-investiment qed isir ukoll fl-isfond tal-politika nazzjonali biex tkun indirizzata l-obeżità fost it-tfal u wkoll biex titrawwem kultura sportiva fit-tfal.
Bħalissa fl-Iskola Sekondarja tal-Imrieħel u fl-Iskola Primarja ta’ Ħal Kirkop qed isir xogħol ta’ turf atifiċjali ġdid li se jitlesta għas-sena skolastika 2023-2024.
Il-Ministru Clifton Grima żar ix-xogħol li qed isir fis-Sekondarja tal-Imrieħel u qal li x-xogħol li qed isir fis-settur sportiv mhuwiex biss fuq livell nazzjonali, iżda qed naraw li anke fis-settur edukattiv nagħtu ambjent aktar xieraq lill-ispazji offruti fl-iskejjel.
Qal “Ftit tal-ġranet oħra ħa nkunu qegħdin ninawguraw anke b’mod uffiċjali faċilitajiet ġodda sportivi f’Ħal Kirkop u anke f’Santa Luċija. U allura dan jikkonferma l-viżjoni tagħna li l-iskejjel ikunu qegħdin jitgawdew kemm mill-istudenti, imma anke mill-komunità, inkluż dik sportiva wara l-ħin normalment assoċjat mal-iskola.”
Għaddej ukoll xogħol fuq żewġ proġetti maġġuri oħrajn relatati mal-isports, li huma l-kumpless sportiv fl-Iskola Sekondarja ta’ Santa Luċija, b’investiment ta’ madwar erbgħa punt sitt miljun ewro (€4.6 miljun) u li mistenni li jitlesta dan ix-xahar u l-bini ta’ grawnd ġdid tal-futbol fil-kumpless edukattiv tan-Naxxar, b’investiment ta’ erbatax punt tliet miljun ewro (€14.3 miljun).
Fiż-żjara mal-Ministru kienu preżenti wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-FTS, Dr Neville Young, il-Prinċipal tal-Kulleġġ Santa Tereża, Victor Agius, u l-Kap tal-Iskola, Mario Bugeja.