Fuq stedina tal-fundatriċi ta’ Fashion For Development, Evie Evangelou, mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela attendiet għal avveniment li qed ikun organizzat bħala parti mill-attivitajiet marbuta mat-78 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda fi New York.
It-tema magħżula għal dan l-avveniment hija ‘Healthier people, Healthier planet’.
Tema li fi kliem Dr Abela għandha tkun kontinwament ċentrali fit-teħid tad-deċiżjonijet. “Ma tistax tifred is-saħħa tal-bniedem mis-saħħa tal-ambjent li ngħixu fih. U għalhekk huwa importanti li llum f’din il-fora qed nippromwovu dan il-messaġġ u dawn it-temi,” stqarret Dr Abela.
Dr Abela rreferiet lejn avvenimenti li wrew bl-iktar mod aħrax xi jfisser jekk ma niħdux ħsieb il-pjaneta tagħna, fost oħrajn anke b’rabta mal-bidla fil-klima.
Dr Abela żiedet li għad-dinja l-aħħar snin, kienu snin ta’ ċerti sfidi. “Pandemija, gwerer, il-bidla fil-klima, ilkoll temi li jridu juru li jrid ikollna l-kuraġġ li nieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex nieħdu ħsieb il-pjaneta tagħna u nieħdu ħsieb in-nies tagħna, mhux biss għal-lum iżda wkoll għall-ġenerazzjonijiet futuri,” ikkonkludiet Dr Abela.