L-għadd ta’ konvenji matul Awwissu li għadda żdiedu b’5.5% meta mqabbel mal-istess xahar is-sena ta’ qabel. Dan fisser li x-xahar li għadda kien hemm 970 konvenju b’kollox.
Dawn iċ-ċifri ħarġu mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, li wrew li l-aktar li kienu involuti f’dawn il-konvenji kienu x-xerrejja individwali, li kienu jgħoddu għal 92.1%. Il-bqija kienu jinvolvu kumpaniji.
L-akbar għadd taʼ konvenji taʼ proprjetajiet residenzjali kien irreġistrat fid-Distrett tat-Tramuntana tal-Port bʼ285 konvenju; segwit mid-Distrett tat-Tramuntana bʼ210 konvenji.
Intant, f’Awwissu wkoll, l-għadd ta’ kuntratti ta’ bejgħ taʼ proprjetajiet residenzjali kien jammonta għal 949.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qal li, b’kollox, il-valur ta’ dawn il-kuntratti laħaq il-€263.4 miljun ewro, tnaqqis ta’ 9.4% meta mqabbel mal-valur irreġistrat f’Awwissu tal-2022.
L-NSO żied jgħid li 91.6% tal-kuntratti saru minn xerrejja individwali, fosthom familji, waqt li l-bqija tal-kuntratti l-oħrajn kienu magħmulin minn kumpaniji.