Għas-sitt sena konsekuttiva, il-Kunsill Lokali ta’ Bormla se jorganizza l-attività teatrali, Cospicua Short Play Festival, f’diversi toroq f’Bormla.
Din l-attività ser issir bejn il-Ġimgħa 22 u s-Sibt 23 ta’ Settembru mis-sebgħa u nofs ta’ filgħaxija ’l quddiem.
Il-festival ser isir b’investiment ta’ madwar €37,000 b’finanzjament mill-iskema għal Attivitajiet Kulturali Annwali u minn fondi addizzjonali tal-kunsill lokali.
Is-Sindku ta’ Bormla Marco Agius qal li din is-sena se jittellgħu 6 rappreżentazzjonijiet kompetittivi fejn 3 minnhom ser isiru f’Pjazza Santa Margerita u l-kumplament f’Pjazza Suq Bonnici, fil-Pjazza ta’ Bormla u fil-bitħa tal-kunsill lokali rispettivament. Il-festival huwa bla ħlas u mingħajr ħtieġa li tirriserva post. Il-Ħadd 24 ta’ Settembru ser jingħataw ħames premjijiet għall-aqwa produzzjoni, attur, attriċi, skript u direttur.
Waqt it-tnedija ta’ dan il-festival, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li attivitajiet soċjokulturali joffru sens ta’ komunità u jkomplu jagħtu l-ħajja lil-lokalitajiet tagħna. Hija qalet ukoll li din l-attività teatrali fil-beraħ tagħti wkoll spazju lill-artisti lokali biex juru t-talenti tagħhom. “Infaħħar lill-Kunsill Lokali ta’ Bormla u lill-organizzaturi kollha għall-ħidma biex tittella’ s-sitt edizzjoni ta’ din l-attività u nħeġġeġ lill-pubbliku biex jattendi sabiex igawdi u jsostni t-talent Malti”, qalet is-segretarju parlamentari.
Preżenti għal din it-tnedija kien hemm ukoll diversi membri mill-Kunsill Lokali ta’ Bormla u d-direttur prinċipali Jason Zerafa. Għal aktar informazzjoni dwar l-attività żur il-paġna ta’ Facebook tal-Kunsill Lokali ta’ Bormla.