Ġie ffirmat ftehim kollettiv ġdid li se joffri kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar lill-ħaddiema fl-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA. Dan il-ftehim se jkun qed ikopri lill-ħaddiema tekniċi u amministrattivi u se jkun il-ħames ftehim li jkopri din is-sezzjoni minn mindu twaqqfet l-awtorità.
Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi, ippresieda l-iffirmar bejn l-OHSA u l-UĦM – Voice of the Workers, li tirrappreżenta lill-ħaddiema.
Il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA, Dr Mark Gauci, qal li l-awtorità dejjem kellha magħha impjegati ddedikati u professjonali, u dan il-ftehim kollettiv se jkun qiegħed jixpruna ’l quddiem aktar ħidma fi ħdanha.
Hu fisser kif il-ftehim kollettiv mhux biss qed jirrikonoxxi d-dedikazzjoni, l-impenn u l-professjonalità ta’ dawn l-impjegati billi jsarraf f’titjib fil-kundizzjonijiet ta’ impjieg, iżda hu maħsub biex jattira aktar ħaddiema ġodda fl-OHSA.
“Ftehim kollettiv li jirrikonoxxi l-ħidma bla waqfien li jagħmlu l-ħaddiema kollha tal-OHSA, imma wkoll jirrikonoxxi l-kompetenzi, ir-responsabilitajiet, id-dedikazzjoni u l-motivazzjoni li għandhom dawn l-impjegati fit-twettiq ta’ xogħolhom.”
Mark Gauci – Kap Eżekuttiv tal-OHSA
Min-naħa tagħha, il-UĦM – Voice of the Workers esprimiet sodisfazzjon li wara xhur sħaħ ta’ negozjati waslet għal dan il-ftehim, li jkopri sal-2026 u li se jwassal għal aġġustament u titjib fil-pagi u l-allowances tal-ħaddiema.
Il-UĦM qalet li, minkejja li l-ftehim sar illum, kien hemm qbil fuq ħlas ta’ arretrati sa mill-1 ta’ Jannar 2022. Minbarra hekk, il-UĦM saħqet li dan il-ftehim kollettiv għall-ewwel darba qed joffri opportunità ta’ żvilupp fil-karriera għall-ħaddiema klerikali.
“Ftehim li ġab kundizzjonijiet xierqa għall-ħaddiema fi ħdan l-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà u li qed jagħmel livell tajjeb fil-kundizzjonijiet anke f’dak finanzjarju li jirrifletti ż-żminijiet tal-lum.”
Mario Sacco – Direttur UĦM
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal kif dan il-ftehim hu l-aqwa wieħed tul dawn l-aħħar snin. Tenna li dan se jkompli jibni fuq il-ftehim ta’ qablu bil-għan li jsaħħaħ l-awtorità u jirrikonoxxi l-ħidma li ssir minnha fis-settur, waqt li enfasizza li l-ftehim se jwassal għal titjib fl-istruttura tas-salarji, benefiċċji ġodda, żieda fir-rati tal-overtime u kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol.
“Awtorità impenjata fis-saħħa u s-sigurtà fuq kull post tax-xogħol permezz ta’ ħaddiema u uffiċjali impenjati li huma mħarrġin biex jagħtu l-aqwa ħarsien f’dan is-settur daqstant importanti.”
Stefan Zrinzo Azzopardi – Ministru