Tarbija ta’ 9 xhur u raġel ta’ 43 sena weġġgħu gravi f’inċident tat-traffiku fi Vjal l-Indipendenza, il-Mosta.
L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tal-ħdax u kwart ta’ filgħaxija.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li seħħet ħabta bejn Volkswagen Golf misjuq minn raġel ta’ 34 sena mill-Ħamrun u Peugeot misjuq minn raġel ta’ 43 sena jgħix San Ġwann. Fil-Volkswagen kien hemm ukoll raġel ta’ 22 sena mir-Rabat, tfajla ta’ 20 sena mill-Belt Valletta u tarbija ta’ 9 xhur.
Ir-raġel u t-tarbija kienu assistiti minn tim mediku u ambulanza ħadithom l-Isptar Mater Dei sabiex jingħataw il-kura meħtieġa.
Aktar tard huma ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.