Fil-Kunsill tal-Ministri għall-biedja u s-sajd fi Brussell, magħruf bħala AgriFish, ġew diskussi bosta temi f’dan ir-rigward, Malta elenkat numru ta’ eżempji konkreti li twettqu.
Meta kien qed jiġi diskuss is-suġġett taż-żoni rurali ma’ ministri oħrajn Ewropej, il-Ministru Malti Anton Refalo semma r-riforma fil-kera tal-art agrikola li wettaq il-Gvern Malti bil-għan li jħares id-drittijiet tal-bdiewa Maltin u Għawdxin u fl-istess ħin jippriserva l-art agrikola.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali tenna l-importanza tal-Politika Agrikola Komuni (CAP), li sejħilha strument finanzjarju importanti ħafna li jkompli jattira aktar bdiewa żgħażagħ lejn is-settur u jixpruna investimenti f’infrastruttura aktar moderna u fid-diġitalizzazzjoni tas-settur.
Dan il-Kunsill tal-Ministri ddiskuta wkoll l-impatt tat-tibdil fil-klima li nħass b’mod reali fin-Nofsinhar tal-Ewropa dan is-sajf, b’Malta wkoll turi solidarjetà mal-pajjiżi milqutin.